Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ikkuntattja lill-President tar-Russja, Vladimir Putin, biex jikkongratulah għar-rebħa elettorali tiegħu ta’ jumejn ilu.
Putin reġa’ kien elett President tar-Russja b’aktar minn 76 fil-mija tal-vot, b’dan ikun ir-raba’ mandat ta’ poter tiegħu, effettiv għal sitt snin.
Intant, Trump qal li hu u Putin se jiltaqgħu ‘fil-futur qarib’ biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-armi fid-dinja, flimkien mal-problemi tal-Ukrajna u l-kriżi fis-Sirja.
Il-President tal-Istati Uniti qal li t-tellieqa għall-armamenti bejn l-Istati Uniti u r-Russja ‘qed issir ikkontrollabbli’ iżda sostna li hu u Putin ‘mhuma qatt se jippermettu proliferazzjoni tal-armi li kapaċi tkun estiża għal kulħadd.’
Fl-istess ħin, Trump ma semmiex il-kwistjoni li xprunat tensjoni ġdida bejn il-Punent u Moska — f’dan il-każ l-ivvelenar ta’ eks-spjun Russu, Sergei Skripal, u bintu, Yulia, li jidhru li kienu attakkati b’tip ta’ kimika velenuża meta huma kienu fl-inħawi ta’ Salisbury. Ir-Renju Unit qed iwaħħal fir-Russja bħala l-protagonista wara dan l-attakk, b’Moska tiċħad li dan hu minnu.
//= $special ?>


