Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Żvilupp bejn żewġ monumenti storiċi f’Ħ’Attard

L-iżvilupp se jsir bejn il-linja l-qadima tal-ferrovija u parti mill-akkwadott li jinsab f'Ħ'Attard

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard fi stqarrija esprima t-tħassib tiegħu għall-proposta ta’ żvilupp għall-bini ta’ 4 idjar bil-pixxina ta’ 243 metru kwadru kull waħda. Il-Kunsill jinnota li tali bini jmur kontra il-policy DC 15.

Il-Kunsill huwa inkwietat ukoll li dawn id-djar huma proposti li jinbnew bejn żewġ monumenti storiċi ta’ Grad 1 – iġifieri l-linja l-qadima tal-ferrovija u parti mill-akkwadott li jinsab f’Ħ’Attard.

Il-Kunsill Lokali qiegħed jistenna risposta mill-awtoritajiet kompetenti dwar jekk l-applikazzjoni tiegħu għal fondi tal-Unjoni Ewropea biex tiġi rrestawrata u rijabilitata l-linja tal-ferrovija (railway embankment) ġietx aċċettata. 

Il-Kunsill fakkar fl-oġġezzjonijiet tal-2010, u għaliex issa is-Sovvratendenza tal-Wirt Storiku mhux qed tara problema bi żvilupp li huwa d-doppju ta’ dak propost fl-istess zona, liema żvilupp barra li huwa wkoll viċin tal-linja tal-ferrovija se jkompli jidfen parti mill-akkwadott , kif ġara f’partijiet oħra fi Triq Qrib San Anton.