Lokali

FILMAT: Anke Muscat u Edward Scicluna għandhom jappellaw għar-revoka fil-liċenzja tal-Bank Pilatus – Adrian Delia

Wara l-appell għar-revoka tal-liċenzja tal-Bank Pilatus, li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għamel dalgħodu fid-dell tal-aħbar li Ali Sadr ġie arrestat fl-Istati Uniti, l-anqas ħaġa li wieħed kien jistenna mill-Prim Ministru u mill-Ministru tal-Finanzi kienet li anke huma jappellaw għall-istess revoka.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’intervent waqt il-programm “Iswed fuq l-Abjad”, ippreżentat minn Frank Psaila fuq NET Television. L-intervent sar bl-internet minħabba li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jinsab imsiefer fuq xogħol tal-Partit.

Adrian Delia qal li wara dawn l-aħħar żviluppi, il-poplu qed jistenna biex jara kif se tirreaġixxi t-tmexxija tal-pajjiż. Madankollu, kulħadd qed jara kif Muscat għażel li ma jagħmel assolutament xejn u jibqa’ jiddefendi lill-Bank Pilatus bis-skiet tiegħu.

Hekk kif għajnejn id-dinja reġgħu fuqna, minħabba li l-Bank ta’ Ali Sadr hu rreġistrat f’pajjiżna, il-Gvern għandu jagħti każ ir-reputazzjoni ta’ Malta fis-servizzi finanzjarji minflok ma jibqa’ jiddefendi l-indifensibbli, kif qed jagħmel.

Filwaqt li sostna li ma jistax ikun li minkejja din l-evidenza ċara, jibqa’ ma jsir xejn, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jistenna li l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi jerfgħu r-responsabbiltà. Jekk m’intomx lesti tagħmlu xi ħaġa issa, warrbu, appella Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li wasal iż-żmien li jekk il-Gvern jibqa’ jabdika mir-responsabbiltà, ikun il-Partit Nazzjonalista li jipproteġi s-servizzi finanzjarji tal-pajjiż.

B’hekk, nieqfu nippuntaw is-swaba’, iżda naġixxu għall-ġid tal-pajjiż, temm jgħid Adrian Delia.