ll-ħuta u l-invertebrat nazzjonali, il-bużaqq u l-qabru, jingħaqdu mal-merill (l-għasfur nazzjonali), l-għargħar (is-siġra nazzjonali) u widnet il-baħar (il-pjanta nazzjonali) fost speċi oħra fil-lista dikjarata ta’ Speċi Nazzjonali. Dan wara li l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi ħasset il-ħtieġa li jiġu miżjuda aktar speċi biex jservu ta’ simboli għall-bijodiversità tal-Gżejjer Maltin.
It-twaqqif ta’ qafas legali għad-dikjarazzjoni ta’ Speċi Nazzjonali kien meħtieġ u ma waqafx biss mad-dikjarazzjoni ta’ liema speċi huma Nazzjonali. Jinkludi wkoll kriterji għall-għażla ta’ speċi ta’ flora u fawna bħala speċi nazzjonali biex jiżdiedu fil-futur permezz tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap. 549). Ir-regolamenti l-ġodda jkomplu jsaħħu l-ħarsien legali ta’ dawn l-ispeċi nazzjonali permess ta’ żieda fil-penali għall-konravenzjonijiet fuq dawn l-ispeċi. Il-liġi wkoll tippromwovi l-konservazzjoni, is-sorveljanza u l-monitoraġġ ta’ dawn l-ispeċi.
Il-bużaqq hija ħuta żgħira mhedda li tinstab madwar il-Mediterran u hija l-unika ħuta li tgħix f’ilma salmastru fil-gżejjer Maltin. Mill-banda l-oħra, il-qabru huwa endemiku għall-gżejjer Maltin u jgħix f’ħofor f’imkejjen fejn hemm l-ilma matul is-sena. Huma rari u mhedda minħabba t-telf u l-limitazzjoni tal-ambjent naturali.
//= $special ?>