Lokali

Il-Pulizija akkużat bi stupru kien qed jikkunsidra jammetti… imma reġa’ bdielu

Ritratt: Timo Turpeinen
Għaldaqstant il-każ issa jgħaddi fi stadju ġdid fejn tibda l-kumpilazzjoni tal-evidenza

Il-Pulizija ta’ 27 sena li tressaq il-Qorti akkużat bi stupru u fastidju sesswali kien se jammetti l-akkużi miġjuba kontrih, iżda dalgħodu l-Qorti ġiet infurmata li għalissa se jibqa’ jwieġeb mhux ħati tal-akkużi.

Il-Kuntistabbli tressaq il-Qorti għall-ewwel darba lbieraħ quddiem il-Maġistrat Monica Vella. Għalkemm ilbieraħ wieġeb mhux ħati tal-akkużi, il-Qorti ġiet infurmata li l-imputat kien qed jikkunsidra li jbiddel din ir-risposta għal waħda ta’ ammissjoni.

Kien għalhekk li lbieraħ, il-Maġistrat Monica Vella, bħala Maġistrat tal-Għassa, iddeċidiet li l-każ kellu jerġa’ jinstema’ quddiemha llum.

Madanakollu, meta l-Kuntistabbli reġa’ tressaq dalgħodu, il-Qorti ġiet infurmata li l-Kuntistabbli mhux lest li jammetti għall-akkużi.

B’hekk, il-każ issa jrid jiġi assenjat lil Maġistrat differenti biex quddiemu jew quddiemha tibda l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrih. Fost dawk li mistennija jixhdu hemm tal-anqas waħda miż-żewġ Pulizija tfajliet vittmi tal-imputat.

It-Tnejn li għadda, NET News żvela dettalji dwar dan il-każ, u kif dan il-kuntistabbli żagħżugħ wettaq atti kemm f’għassa kif ukoll f’karozza tal-Pulizija. Jirriżulta li fl-għassa seħħ l-istupru, filwaqt li fil-karozza tal-Pulizija seħħ il-fastidju sesswali.

Sorsi qrib NET News qalu li dawn l-abbużi ilhom isiru, b’waħda mill-vittmi issib il-kuraġġ li titkellem meta saret taf x’kienet għaddejja minnu kollega oħra. Kien malli dawn iż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija tkellmu flimkien, li ttieħdet id-deċiżjoni konġunta li jsir rapport formali.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Busuttil mill-Vice-Squad u l-Ispettur Mark Mercieca. L-Avukati Alfred Abela, Franco Debono u Amadeus Cachia qed jidhru għall-imputat.

Isem il-Pulizija li qed jitressaq il-Qorti ma jistax jixxandar fuq ordni li ngħatat mill-Qorti, biex tkun protetta l-identità taż-żewġ Pulizija vittmi.

Prova jistupra żewġ Pulizija nisa f’għassa u f’karozza tal-Pulizija