Lokali

Il-Pulizija Maltija mhux se tinvestiga lil Ali Sadr; f’idejn l-Amerikani

Il-Pulizija ta’ Malta mhux se tkun qed tinvestiga lil Ali Sadr jew lill-Bank Pilatus wara l-aħħar żviluppi li wasslu għall-arrest ta’ Sadr b’akkużi li jistgħu jsarrfu f’aktar minn 125 sena priġunerija.

Fi stqarrija, maħruġa bil-barka tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, il-Korp qal li l-investigazzjonijiet se jibqgħu jitmexxew mill-awtoritajiet Amerikani.

Tant hu hekk li, fil-ġimgħat li ġejjin, delegazzjoni Amerikana se tkun qed tasal Malta għal aktar diskussjonijiet dwar il-każ.

Minkejja li l-Bank Pilatus, propjetà ta’ Ali Sadr, hu liċenzjat f’pajjiżna, il-Pulizija qalet li ma jirriżultalhiex li hemm involuti entitajiet Maltin fl-akkużi li qed jiffaċċja Ali Sadr.

Barra minhekk, fl-istqarrija jingħad li dak li Ali Sadr qed ikun akkużat dwaru sar “diversi snin ilu”. Il-Korp tal-Pulizija qal li matul il-preżenza tal-Uffiċjali Amerikani f’Malta, l-Uffiċjali tal-Korp se jkunu qed joffru l-assistenza tagħhom.