Dawn jiżdiedu ma’ konsulenzi oħra lil Deborah Schembri u Edward Zammit Lewis mill-Awtorita’ tal-Ippjanar u d-Dipartiment tal-Artijiet li jammontaw għal €151,000 bejniethom.
L-eks Deputat Deborah Schembri u l-eks Ministru Edward Zammit Lewis qed jieħdu mat-€82,000 f’konsulenzi bejniethom mingħand Identity Malta.
Din l-informazzjoni ingħatat fil-Parlament bi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Skont l-informazzjoni mogħtija, Deborah Schembri għandha pakkett finanzjarju ta’ €56,000 għal servizzi legali ma’ Identity Malta.
Min-naħa l-oħra, l-eks Ministru Edward Zammit Lewis għandu pakkett finanzjarju ta’ €26,000 għal servizzi legali “marbuta ma’ riformi f’Identity Malta”
Dawn m’humiex l-uniċi żewġ konsulenzi li Schembri u Zammit Lewis ingħataw mill-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Fil-fatt Deborah Schembri ingħatat direct order ta’ €126,000 mill-Awtorita tal-Ippjanar u Edward Zammit Lewis ingħata direct order ta’ kważi €25,000 bħala rappreżentant legali tad-Dipartiment tal-Artijiet. L-istess Deborah Schembri ukoll qed tagħti servizzi legali lid-Dipartiment tal-Artijiet u nħatret mill-istess bord li kienet għażlet hi meta kienet għadha Segretarju Parlamentari fil-leġiżlatura ta’ qabel.
Persuna oħra li ngħatat konsulenza ġeneruża mill-elezzjoni ‘l hawn hi Adrian Hillman. L-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers li ssemma fil-Panama Papers għandu konsulenza ta’ €48,000 mill-Awtorita’ Maltija tal-Logħob (MGA) għal servizzi ta’ komunikazzjoni u relazzjonijiet pubbliċi. Dan kien żvelat fost oħrajn minn Net News f’Diċembru li għadda u issa hemm konferma uffiċjali ta’ din il-ħatra fuq il-Mejda tal-Kamra.
//= $special ?>