Internazzjonali

Jirriżenja l-Ministru tal-Ġustizzja tal-Maċedonja għaliex naqset il-fiduċja tal-poplu fil-ġudikatura

Bilen Saliji

Il-Ministru tal-Ġustizzja tal-Maċedonja irriżenja mill-kariga għaliex qal li l-poplu kien tilef il-fiduċja fil-ġudikatura u bħala konsegwenza anki fih. Bilen Saliji u l-ġudikatura spiċċaw fil-mira ta’ ħafna kritika wara li l-Prosekuzzjoni naqqset l-akkużi kontra persuna akkużata li sentejn ilu qatlet tifel ta’ erba’ snin f’inċident tat-traffiku. Dan wara argumenti bejn missier it-tifel u x-xuffier tal-karozza.

Il-Maċedonja qed tittama li tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Imma wieħed mill-akbar ostakli tul din it-triq hu r-riforma tal-ġudikatura – ħaġa li l-Unjoni Ewropea diġà wissiet li kien hemm bżonn li tkun irriformata. L-esperti fil-qasam tal-liġi fil-Maċedonja qalu li Saliji naqas milli jikseb ir-riżultati mixtieqa fil-qasam tal-ġudikatura, li fil-Maċedonja titqies ikkontrollata mill-klassi politika u min-nies sinjuri.