L-Avukat Ġenerali Peter Grech ikkonferma li l-kelma ‘dixxendent’ fil-liġi ma tkoprix lit-tarbija fil-ġuf u li għalhekk jirriżulta li t-tarbija fil-ġuf mhix koperata bil-liġi dwar il-vjolenza domestika mressqa mill-gvern Laburista.
Din id-dikjarazzjoni dwar it-tifsira legali tal-kelma ‘dixxendent’ saret mill-Avukat Ġenerali meta kien qed jieħu sehem fil-Kumitat għall-Kunsiderazzjonijiet tal-Liġijiet li ddiskuta l-liġi dwar il-vjolenza domestika.
Din il-liġi saret waħda kontroversjali wara li l-gvern baqa’ jirrifjuta proposta tal-Oppożizzjoni biex issir riferenza diretta għat-tarbija mhux imwielda fil-ġuf fost il-persuni li jkunu protetti fil-liġi. Dan wara li l-gvern neħħa din il-protezzjoni mil-liġi li għamel hu. Din il-protezzjoni lit-tarbija fil-ġuf kienet inkluża fil-liġi mressqa mill-Gvern Nazzjonalista fi żmien il-Ministru Dolores Cristina. Minkejja l-proposti u l-pressjoni tal-Oppożizzjoni, il-Gvern baqa’ jirrifjuta li jaċċetta din il-proposta bil-Ministru Helena Dalli tinsisti li l-kelma ‘dixxindent’ fil-liġi tinkorpora lil kulħadd.
Kien il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar li staqsa lill-Avukat Ġenrali biex jispeċifika t-tifsira tal-kelma ‘dixxendent’ u biex ikun ċar jekk din tinkorporax lit-tarbija fil-ġuf. Fit-tweġiba tiegħu l-Avukat Ġenerali qal li imkien u fl-ebda liġi fil-pajjiż, il-kelma ‘dixxendent’ tkopri wkoll lit-tarbija mhux imwielda fil-ġuf.
Fil-kumitat ipparteċipaw il-Viċi-Kap tal-PN David Agius u d-deputati Nazzjonalisti Claudio Grech, Therese Comodini Cachia, Claudette Buttigieg u Edwin Vassallo għall-Oppożizzjoni u l-Ministru Helena Dalli u d-deputati Byron Camilleri u Rosanne Cutajar għall-Gvern flimkien mad-deputat Godfrey Farrugia għall-PD.
//= $special ?>