L-awtoritajiet fl-Istati Uniti ma tkellmux mal-Pulizija Maltija dwar l-arrest tas-sid ta’ Pilatus Bank Ali Sadri.
Is-sit independent.com.mt żvela dan wara risposti li rċieva mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, mistoqsijiet li ntbagħtu wara li Ali Sadr ġie arrestat fl-Istati Uniti.
Skont dak rappurtat mill-Malta Independent, il-Kummissarju tal-Pulizija żied jgħid li l-Pulizija ta’ Malta qed taħdem ma’ xi aġenziji u awtoritajiet oħra dwar il-każ ta’ Pilatus Bank, imma f’dan l-istadju ma jistax jagħti iktar kummenti.
F’April tas-sena li għaddiet, il-Kummissarju Lawrence Cutajar kien qal lil NET News l-istess ħaġa, jiġifieri li f’dak l-istadju, ma setax jikkummenta. Dakinhar konna qbadna lill-Kummissarju waqt fenkata fl-istess ħin li Ali Sadr deher ħiereġ minn Pilatus Bank bil-bagalji fis-satra tal-lejl.
Sadanittant, ir-rapporti tal-FIAU li jikkonfermaw li sar ħasil ta’ flus, anke bl-involviment ta’ kontijiet bankarji f’Pilatus Bank, jidher li baqgħu fuq l-ixkaffa tal-Korp tal-Pulizija, hekk kif sal-lum għadu ma tressaq ħadd il-Qorti abbażi tar-rapporti tal-FIAU.