Aġġornata
Minkejja l-appelli tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u tas-Soċjetà Ċivili biex il-liċenzja ta’ Pilatus Bank tiġi rrevokata, l-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji (l-MFSA) ħabbret li mhux se tkun qed tirrevoka l-liċenzja ta’ dan il-bank.
It-talbiet saru wara l-aħbar mill-Istati Uniti, li sid Pilatus Bank ġie arrestat b’sentenza mdendla fuq rasu ta’ 125 sena.
B’reazzjoni għal dawn l-iżviluppi, l-MFSA iltaqgħet b’mod urġenti fl-uffiċini tagħha fl-Imrieħel u waranofsinhar ħabbret li kienet qed tieħu numru ta’ passi fil-konfront ta’ Ali Sadr.
Fost dawn, hemm it-tneħħija ta’ Ali Sadr mill-pożizzjoni ta’ Direttur tal-bank. Apparti minn hekk, Ali Sadr mhux ħa jkun jista’ jaġixxi ta’ rappreżentant legali tal-bank jew inkella jivvota waqt laqgħat ġenerali tal-kumpanija.
L-MFSA ordnat ukoll li Pilatus Bank ma jħallix depożiti jew ħruġ ta’ flus minn persuni li huma shareholders jew inkella membri tal-Bord tad-Diretturi jew tal-Management.
Dawn id-deċiżjonijiet ifissru li l-MFSA ffriżat, temporanjament, parti mill-operat ta’ Pilatus Bank iżda ma rrevokatx il-liċenzja ta’ dan il-bank – anke jekk fix-xhur li għaddew, sar magħruf li Pilatus Bank kien qed iżomm kontijiet bankarji ta’ individwi u li fihom kienu qed jidħlu flus ġejjin mill-ħasil ta’ flus.
Id-deċiżjoni tal-MFSA tfisser ukoll li persuni li għandhom kont ma’ Pilatus Bank, bħal Keith Schembri u Brian Tonna, jistgħu jibqgħu jiġbdu l-flus b’mod normali.
Aktar kmieni
Ftit tal-ħin ilu l-MFSA ħabbret illi se tkun qed tiffriża parti mill-operat tal-bank Pilatus. Minkejja dan, l-MFSA bl-ebda mod ma rrevokat il-liċenzja tal-istess bank f’pajjiżna.
Fi kliem qasir, il-bank Pilatus sal-lum għadu qed jaħdem.
Fi stqarrija l-MFSA qalet li ħadet żewġ azzjonijiet fil-konfront ta’ Ali Sadr:
1) tneħħa minn direttur ta’ Pilatus
2) neħħewlu d-dritt tal-vot fuq il-bord tal-bank u milli jirrapreżenta legalment lil Pilatus
Aktar minn hekk, l-MFSA friżat biss tranżazzjonijiet li jistgħu isiru minn diretturi, uffiċjali jew shareholders tal-istess bank li kien issemma fl-eqqel tal-iskandlu tal-Panama Papers.
Dan ifisser li l-liċenzja tal-bank Pilatus se tibqa’ attiva.
//= $special ?>