Sport Sport Ieħor

Leo Butler jirbaħ id-Demolition tal-karozzi ż-żgħar

Leo Butler flimkien ma' Fernando Cremona li spiċċa t-tieni (Ritratt: Mario Micallef)

Leo Butler fuq Lada Samara rebaħ id-Demolition tal-karozzi ż-żgħar f’dik li għalih kien il-21 parteċipazzjoni tiegħu. Hu għeleb l-isfida tad-debuttant Fernando Cremona fuq Peugeot 205 wara li huma kienu l-aħħar żewġ sewwieqa minn total ta’ 41 sewwieq reġistrat.

Fil-ħin li spiċċaw huma t-tnejn, Cremona kellu l-vettura tiegħu taħdem ftit aħjar minn ta’ Butler, b’tal-aħħar ikollu l-karozza kważi tintefa’ l-ħin kollu. Minkejja li Cremona kellu ċans akbar iwaqqaf lil Butler, dan ma seħħx. Kollox intemm meta l-magna ta’ Cremona waqfet. Mit-total ta’ 41 kompetitur, spiċċaw biex ħadu sehem 34 karozza.

Matul it-taqtigħa li damet 40 minuta, fid-Demolition kien hemm sewwieqa ta’ karozzi mhux akbar minn erba’ metri (13-il pied) li raw safejn iwasslu l-vettura bi ħbit volontarju skont ir-regolamenti stretti tat-tiġrija.

L-ASMK avżat li d-Demolition li jmiss se tkun dik tal-vannijiet u mistennija ssir waqt attività filgħaxija s-Sibt 28 ta’ Lulju. Ir-regoli ta’ din l-attività mistennija joħorġu fil-jiem li ġejjin.

Minbarra d-Demolition, il-Ħadd li għadda l-ASMK organizzat is-seba’ programm mill-Kampjonat Nazzjonali Pasta Poiatti tal-Autocross. F’din il-ġurnata rreġistraw 17-il kompetitur maqsuma f’żewġ klassijiet u kellna dawn ir-riżultati.

Il-finali tal-Klassi A Modified intrebħet minn Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo segwit minn Karl Micallef fuq Ford Fiesta u Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova. Noel Zammit u Keith Borg fuq Fiat Punto u Vauxhall Nova daħlu fir-raba’ u l-ħames post rispettivament.

Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta rebaħ il-finali tal-Klassi B Modified segwit minn Brandon Lee Vassallo fuq Peugeot 205. Fil-klassi Standard, Dean Farrugia fuq Citroen AX reġa’ rebaħ il-klassi segwit minn Jerome Peplow fuq Kia Avella u Chris Formosa fuq Ford Fiesta.

Il-Ħadd li ġej, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se jkomplu bit-tiġrijiet tal-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2017/2018, bir-raba’ kompetizzjoni minn dan l-istaġun. Il-programm fil-korsa tal-ASMK jibda fl-10.00am.

Għal aktar informazzjoni dawk interessati jistgħu jidħlu fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna tal-facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, jibagħtu email fuq info@asmk.org.mt kif ukoll iċemplu fuq 99425489.

Tags