Lokali

AĠĠORNATA: Ir-reazzjonijiet dwar l-arrest tas-sid tal-Bank Pilatus

Il-liċenzja tal-bank Pilatus għandha tkun sospiża minnufih.

Hekk insista l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tweet wara li ħarġet l-aħbar li fl-Amerika ġie arrestat iċ-Chairman ta’ Pilatus Bank Ali Sadr.

Adrian Delia żied jinsisti li l-Prim Ministru Joseph Muscat m’għandux jibqa’ jaħsel idejh minn dan il-każ. Dan hekk kif issa hemm konferma tal-akkużi li ilhom isiru fil-konfront ta’ Pilatus Bank u n-nies li hemm warajh.

Iċ-Chairman tal-bank irreġistrat f’Malta, Pilatus Bank, ġie arrestat fl-Istati Uniti u jista’ jeħel sa 125 sena ħabs fuq akkużi li evada sanzjonijiet ekonomiċi imposti mill-Istati Uniti fil-konfront tal-Iran. Apparti minn hekk, Ali Sadr qed jiffaċċja wkoll akkużi ta’ frodi u ħasil ta’ flus.

F’Malta kienu qamu mistoqsijiet dwar il-mod kif Pilatus Bank ingħata l-liċenzja. Qamu wkoll mistoqsijiet dwar jekk il-bank Pilatus huwiex konformi mal-liġijiet u r-regoli kollha ta’ kontra l-ħasil ta’ flus.

Fix-xhur li għaddew sar magħruf li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għandu kont bankarju f’Pilatus Bank. Rapporti tal-FIAU kixfu l-mod kif flus li oriġinaw minn sorsi suspettużi għaddew minn kumpaniji sigrieti għal kontijiet bankarji f’Pilatus Bank.

Fi stqarrija, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, reġa’ nsista li ċ-Chairman tal-MFSA u l-Bord ta’ Superviżjoni tal-istess entità ineħħu l-liċenzja tal-Bank Pilatus b’mod immedjat. David Casa ilu jinsisti biex isir dan minn Diċembru 2017, iżda wara l-iżvilupp tal-arrest taċ-Chairman tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad, din saret aktar urġenti.

David Casa qal li dan l-arrest kompla jikxef kemm dan il-bank hu organizzazzjoni kriminali. “Hu diżġustanti l-fatt li l-bank ingħata l-liċenzja ta’ bank f’Malta, u aktar diżġustanti li dan il-bank tħalla b’liċenzja minkejja l-provi kollha li dan il-bank kien involut f’attività kriminali.”

Fl-istqarrija tiegħu, David Casa qal li hu ċar li dan il-Bank kien protett minħabba r-relazzjoni bejn Hasheminejad u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, u l-fatt li dan il-bank inkixef għall-involviment tiegħu fil-ħasil ta’ flus.

Fi żvilupp ieħor, David Casa ħabbar li dalgħodu bagħat ittra lill-Awtorità Regolatorja fir-Renju Unit li fiha talab li l-provi kollha dwar l-attività kriminali tal-Bank Pilatus jiġu protetti.

Dan qed isir anke wara li l-ġimgħa li għaddiet, David Casa talab lill-Aġenzija Nazzjonali kontra l-Kriminalità fir-Renju Unit biex tinvestiga l-provi ta’ attività kriminali mill-Bank Pilatus. Illum, David Casa talab biex jiġu investigati ċ-ċirkostanzi li wasslu biex il-Bank fetaħ uffiċċju f’Londra.

U fi stqarrija, l-MEP Roberta Metsola qalet li l-Kummissarju tal-Pulizija falla milli jieħu passi kontra l-Bank Pilatus. Hi fakkret li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi ilhom aktar minn sena jiddefendu l-azzjonijiet tal-Bank Pilatus u ċ-Chairman tiegħu. Waqt li l-Kummissarju tal-Pulizija ilu sena jagħmel l-istess u jirrifjuta li jieħu azzjoni dwar l-aktar allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus f’Malta.
L-MEP tal-Partit Nazzjonalista qalet li l-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li tittieħed azzjoni biex tiproteġi l-integrità tal-industrija tas-servizzi finanzjarji f’Malta, li hi bbażata fuq ir-reputazzjoni li telimina kull abbuż, u li jekk mhux se tittieħed azzjoni, r-reputazzjoni ta’ Malta se tkompli tbati. Roberta Metsola temmet b’messaġġ: tista’ tiġri kemm trid, imma ma tistax tibqa’ tistaħba għal dejjem.

Fi stqarrija, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li hu ironiku li ċ-Chairman tal-Bank Pilatus, li prova jiftaħ proċeduri legali kontra l-ġurnalisti Maltin fl-Istati Uniti bil-għan li jwaqqafhom milli jkomplu bil-ħidma tagħhom, spiċċa ġie arrestat fl-Istati Uniti. Hu staqsa għalfejn l-MFSA damet daqshekk biex tinvestiga dan il-Bank li hu assoċjat ma’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus li jinvolvi ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u persuni esposti politikament fl-Ażerbajġan. Hu rrefera wkoll għal dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, u nsista li l-liċenzja tal-bank għandha tiġi revokata, għaliex qed tagħmel ħsara kbira lis-settur tas-servizzi finanzjarji li jimpjega eluf ta’ ħaddiema.

Fi stqarrija, Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia, ulied il-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia, qalu li l-awtoritajiet Maltin fallew milli jżommu lil Ali Sadr responsabbli ta’ għemilu u ħallew lil ommhom tissielet waħedha. Huma fakkru kif iċ-Chairman tal-Bank Pilatus fetaħ kawża ta’ $40 miljun dollaru kontra Daphne Caruana Galizia mingħajr qatt ma kienet notifikata. Il-kawża kienet irtirata fis-17 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet, l-għada li nqatlet il-ġurnalista, u l-familja saret taf dwar din il-kawża f’Jannar li għadda.

L-Aħwa Caruana Galizia qalu li l-arrest mill-awtoritajiet Amerikani jagħti raġun lill-ħidma ta’ ommhom iżda għal dan tħallas prezz għoli ħafna hekk kif waħda mis-sorsi ta’ Daphne Caruana Galizia tinsab f’ċella fil-Greċja filwaqt ommhom inqatlet.

Huma qalu li sakemm ma jkunx hemm inkjesta indipendenti dwar il-falliment tal-istituzzjonijiet, Malta se tibqa’ kenn għal nies bħal Ali Sadr Hashemi.

Arrestat iċ-Chairman ta’ Pilatus Bank Ali Sadr