Ekonomija Ewropa Lokali

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jiddefendi lil Malta mal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani

Il-Kap tal-PN ma' Tajani
Illum is-summit tal-mexxejja Ewropej fi Brussell

Is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta hu wieħed b’saħħtu, u fih hemm jaħdmu eluf ta’ professjonisti ħabrieka li ta’ kuljum, iwettqu ħidma importanti kemm għall-kumpaniji li jaħdmu fihom, kif ukoll għall-pajjiż. M’aħniex se nħallu l-ftit individwi li qed iħammġu isem pajjiżna jagħmlu ħsara lil dan is-settur tant importanti għall-ekonomija Maltija.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani fl-uffiċċju tiegħu fi Brussell. Din kienet l-ewwel laqgħa ta’ Adrian Delia ma’ Antonio Tajani minn meta Adrian Delia ġie elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-Kap tal-PN Adrian Delia jinsab fi Brussell biex jattendi s-summit tal-mexxejja Ewropej.

Adrian Delia rrefera b’mod partikolari għall-aħħar żviluppi b’rabta mal-arrest taċ-Chairman tal-Bank Pilatus fl-Istati Uniti, u qal li hu – bħala Kap tal-Oppożizzjoni – mhux se jippermetti li l-Gvern ikompli jagħmel din il-ħsara kollha lis-settur tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta – kemm mill-lat ta’ reputazzjoni, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-eluf ta’ impjiegi f’dan is-settur.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight.

Aktar tard Adrian Delia mistenni jiltaqa’ ma’ Manfred Weber, tal-Partit Popolari Ewropew, kif ukoll mal-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel fost diversi mexxejja Ewropej.