Lokali Qorti

€12,000 f’danni – ir-raġel ta’ Caruana Galizia jirbaħ 5 libelli

Il-maġistratb jgħid li l-kitbiet kienu malafamanti fil-konfront tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u d-diretturi ta' BCGL Services.

Artiklu fuq gazzetta, tweet u post fuq Facebook iġġeneraw ħames libelli b’total ta’ €12,000 f’danni. L-eredi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia flimkien mal-avukat fid-ditta legali tar-raġel ta’ Daphne rebħu 5 libelli.

F’kawżi separati, Peter Caruana Galizia bħala l-eredi tal-ġurnalista flimkien mal-avukat Andrew Borg Cardona mid-ditta legali ta’ Caruana Galizia rebħu libell kontra l-editur tal-Kullħadd Alexander Balzan u ieħor kontra s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia.

Il-kawża kontra l-Kullħadd kienet infetħet kontra Toni Abela li qabel ma’ inħatar Maġistrat kien Editur tal-gazzetta Kullħadd. L-artiklu li dwaru nfetħet il-kawża kien ġie ppubblikat mingħajr isem f’Awwissu 2014 fejn jallega li Caruana Galizia u Borg Cardona ħadu xi flus minn kumpanija li ħadet €2.5 miljun f’kuntratti tal-Gvern minn gvernijiet Nazzjonalisti.

Id-diretturi ta’ BCGL Services, Peter Caruana Galizia u Dr Borg Cardona, ippruvaw fil-qorti li kienu rċevew biss € 5,000 għal sehem nominat, bogħod ħafna mill-€ 80,000 allegat mill-kittieb tal-artikolu. F’kawża relatata, Daphne Caruana Galizia kienet għamlet libell anki kontra Aaron Farrugia li f’messaġġ fuq Facebook u Twitter huwa reġa’ qal li ż-żewġ avukati kienu bbenefikaw minn kuntratti tal-Gvern, dan billi għamel share tal-istorja li dehret fuq il-Kullħadd.

Dalgħodu fl-awla tal-Qorti, li kienet mimlija nies il-maġistrat Francesco Depasquale ta s=sentenza tiegħu għall-ħames każijiet, huwa bagħat messaġġ qawwi kontra l-użu attwali tal-media soċjali li kienet qed tkun aktar “għodda għal misinformazzjoni” f’idejn dawk b’intenzjoni li jikkawżaw aktar ħsara milli ġid lis-soċjetà.

Il-Maġistrat Depasquale osserva li fid-dawl tat-tali realtà, il-qarrejja ordinarji jixirqilhom li jkunu jafu l-verità kollha minflok in-nofs veritajiet li spjegaw għalfejn il-“ġurnaliżmu investigattiv serju” kiseb sinifikat akbar fis-soċjetà.

Is-sinċerità u l-onestà tant meħtieġa fil-ġurnaliżmu “kienu nieqsa kompletament f’dan il-każ,” kompla l-maġistrat, b’referenza għall-artiklu ppubblikat minn Kullħadd.

Filwaqt li ddikjara l-ħames kitbiet bħala malafamanti, il-qorti ordnat lil Aleander Balzan, li issa ssostitwixxa lil Toni Abela bħala editur ta’ Kullħadd, biex iħallas € 6,000 għad-danni. Aaron Farrugia kien ukoll ordnat iħallas €6,000 oħra bħala danni tal-libell.