Lokali

HSBC Malta jiċċelebra s-suċċessi tal-aqwa impjegati tiegħu

HSBC Bank Malta feraħ lil 19-il impjegat għall-impenn mill-aqwa tagħhom lejn l-ogħla livelli ta’ eċċellenza u standards waqt iċ-ċerimonja ta’ għoti ta’ unuri li saret fil-laqgħa annwali li ssir għall-impjegati, magħrufa bħala ‘townhall’.

L-‘At our Best Excellence Awards’ jirrikonoxxu lil dawk l-impjegati li huma ta’ eżempju għall-mod ta’ kif iżommu l-HSBC u n-negozju tiegħu fuq quddiemnett tal-industrija. It-‘townhall’ tal-2018 saret hekk kif il-bank baqa’ jżomm it-titlu prestiġjuż tal-‘Bank tas-Sena’ għat-tieni sena konsekuttiva. L-HSBC Malta ngħata dan l-unur mill-magazin ‘The Banker’ f’Novembru li għadda.

Il-premjijiet lill-impjegati jirrikonoxxu diversi attributi bħalma huma s-servizz lill-klijent, l-imġieba u l-valuri, is-sostenibbiltà korporattiva, ħidma bħala parti minn tim, kif ukoll inizjattivi ta’ tkabbir madwar il-bank.

Ir-rebbieħa tal-kategoriji individwali u tat-timijiet kienu Suzanne Stafrace, Rosalie Hili, Pierre Brincat, Matthew Cordina, Ivan Borg, John Farrugia, Jean-Paul Attard, Graziella Grech, Kurt Hollyoak, Jessica Sciberras Azzopardi, Anthony Felice, Matthew Cordina, Wayne Spiteri , Tonio Frendo, Adrian Sammut, Anita Camilleri, u Kenneth Barbara.

Premju speċjali ġdid tnieda din is-sena wara l-mewt għall-għarrieda tal-Kap tar-Riżorsi Umani tal-HSBC Malta Gareth Williams, is-sena li għaddiet. Il-“Gareth Williams Award for Excellence” kien ippreżentat mill-Kap Eżekuttiv tal-bank Andrew Beane lil Maryrose Camilleri u Rose Marie Borg. Dan il-premju jirrikonoxxi lil dawk l-impjegati li jkunu wrew il-kwalitajiet ta’ eċċellenza li Gareth kien jemmen fihom.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane qal: “Jiena tassew onorat li qed naħdem mal-kollegi kollha li hawn fil-bank, u nixtieq nirringrazzjahom għad-dedikazzjoni u x-xogħol impenjattiv li wettqu tul is-sena li għaddiet. B’mod partikolari, nixtieq nifraħ lill-persuni nnominati u lir-rebbieħa tal-‘At Our Best Awards’.”