Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) iħoss li l-miżuri inkonkreti mħabbra mill-MFSA fil-konfront tal-bank Pilatus se jkomplu jtappnu isem Malta u r-reputazzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji. Din is-sitwazzjoni mhix ġusta għas-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta, li dejjem stinkaw sabiex itejbu r-reputazzjoni ta’ Malta.
L-FPPN fi stqarrija nnota bi tħassib l-aħħar żviluppi b’rabta mal-arrest fl-Istati Uniti taċ-chairman tal-bank Pilatus u jqis li l-miżuri mħabbra mill-MFSA jistgħu fl-aħjar ipoteżi jiġi msejħa bħala ineffettivi u fl-agħar ipoteżi bħala opportunità biex il-bank Pilatus ikompli jopera bħal li kieku qatt ma’ ġara xejn.
L-FPPN jemmen li s-sospensjoni immedjata u eventwalment r-revoka tal-liċenzji kollha tal-bank Pilatus huma l-aħjar pass u għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet relevanti. Din għandha tiġi segwita minn minn investigazzjoni indipendenti li tistħarreġ kif il-bank Pilatus tħalla jopera għal tul ta’ żmien minkejja d-dubji persistenti dwar l-operat tal-bank u ċ-chairman li ġie arrestat.
Din l-investigazzjoni għandha tinvestiga wkoll jekk l-awtoritajiet f’pajjiżna tħallewx jaħdmu b’mod ħieles fil-konfront tal-bank Pilatus jew jekk kienx hemm influwenza politika li rabtu idejn l-awtoritajiet.
L-istqarrija ittemm tgħid illi l-istess investigazzjoni għandha wkoll tara x’wassal biex id-due diligence, li kellu jsir fuq iċ-chairman tal-bank Pilatus naqas milli jiddentifika traċċa tal-operat li wassal għall-akkużi li qegħdin isiru fil-konfront tiegħu fl-Istati Uniti. L-FPPN jemmen li hija biss azzjoni konkreta li tnaddaf ir-reputazzjoni tas-settur tas-servizzi finazjarji f’Malta.
//= $special ?>