Futbol Sport

RITRATTI: Jekk kulħadd jagħmel xogħlu ninsab fiduċjuż – Tom Saintfiet

Mix-xellug: Id-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-MFA Kevin Azzopardi, il-kowċ nazzjonali Tom Saintfiet u plejer Andrè Schembri (Ritratt: Martin Agius)

Ottimiżmu fuq wiċċ il-kowċ tat-tim nazzjonali Tom Saintfiet hekk kif illum it-tim Malti se jkun impenjat f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Lussemburgu, logħba f’dik li se tkun it-tieni logħba taħt il-kowċ nazzjonali Tom Saintfiet.

F’konferenza stampa lejliet il-logħba, Saintfiet qal li din il-logħba hi pass importanti fl-iżvilupp tat-tim. Il-kowċ Belġjan irritorna għal-logħba kontra l-Estonja fejn dakinhar kien diżappuntat bir-riżultat u mhux bil-prestazzjoni.

Saintfiet saħaq li jkun kuntent mil-logħba, jekk it-tim iżomm il-formazzjoni u s-sistema tattika li tirrikjedi l-formazzjoni, fejn ikkonferma li se jerġa’ jilgħab b’erba difensuri, b’Andrei Agius se jkun utilizzat f’nofs il-grawnd.

Mill-iskwadra naqas id-difensur Sam Magri li jinsab imweġġa’ filwaqt li Mitchell Mallia għad ma għandux il-permess mill-FIFA u għalhekk hu diffiċli biex ikun eliġibbli biex jilgħab. Joseph Zerafa u Steve Borg jinsabu għad-dispożizzjoni wara li weġġgħu ħafif.

Il-kowċ nazzjonali kompla jgħid li qed jiżviluppa tim bi plejers ġodda u jinsab sodisfatt bl-impenn tal-plejers, fejn semma l-plejers żgħażagħ bħal Michael Johnson, Jean Borg u Siraj Arab li ġew imsejħa mat-tim nazzjonali għall-ewwel darba.

Mistoqsi dwar il-fatt li Roderick Briffa reġa’ kien imsejjaħ fl-età ta’ 36 sena, Saintfiet qal li kien limitat fl-għażla minħabba li Bjorn Kristensen, Johann Bezzina u Ryan Fenech kienu mweġġa’ filwaqt li Jake Grech u Dunstan Vella jinsabu mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena.

Preżenti kien hemm ukoll l-internazzjonali Malti Andrè Schembri fejn qal li l-kowċ nazzjonali qed jibni xi ħaġa importanti. Hu qal li kulħadd irid jistinka biex jirbħaħ post fit-tim. Schembri għamel referenza dwar l-istil ta’ logħob li qed jilagħbu bħalissa fejn qal li issa qed jilagħbu aktar bilanċjat kontra l-mod aktar difensiv li kienu qed jilagħbu taħt Pietro Ghedin.

Il-progress tal-Lussemburgu

Tom Saintfiet fakkar il-progress li l-Lussemburgu għamlu fl-aħħar snin u semma b’mod partikolari li fl-iskwadra tagħhom se jkollhom 11-il plejer taħt il-21 sena, kif ukoll 16-il plejer li jilagħbu barra l-pajjiż.

Hu qal li s-sena l-oħra huma rebħu tliet logħbiet u spiċċaw żewġ logħbiet fi draw filwaqt li spiċċaw il-ħames fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, b’sitt punti miksuba fosthom draw kontra Franza.

Saintfiet qal li kemm ilu f’pajjiżna ra 118-il logħba u ra lil kull tim fil-futbol Malti. Hu aċċenna għal fatt li hawn ħafna barranin fil-kampjonat u qal li ħafna minnhom huma medjokri.

Il-Belġjan sostna li biex hu jagħżel l-iskwadra jekk jieħu jaqta l-barranin u l-plejers tal-iskwadra ta’ taħt il-21 sena, prattikament ikollu jagħżel nofs il-plejers li jilagħbu, filwaqt li l-Lussemburgu jibdew seba’ plejers fl-ewwel ħdax. Hu semma b’mod partikolari liż-żagħżugħ ta’ 18-il sena Vincent Thill li jilgħab ma’ Metz fi Franza.