Lokali

L-MFSA tibqa’ ma tirrevokax il-liċenzja tal-Bank Pilatus

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji tibqa’ tippersisti li ma tirrevokax il-liċenzja tal-Bank Pilatus minkejja l-akkużi serji li qed jaffaċċja s-sid tal-bank, Ali Sadr.

Fi stqarrija ġdida, l-MFSA ħabbret li Lawrence Connell inħatar bħala l-persuna li se jieħu f’idejh l-assi kollha ta’ Pilatus Bank Limited, inkluż assi relatati mas-servizzi ta’ investiment offruti mill-bank.

Connell se jassumi l-kontroll tas-servizzi bankarji u ta’ investiment tal-bank u se jkun hu li jikkontrolla l-kummerċ tal-bank sakemm tiddetermina l-MFSA. Dan fid-dawl li lbieraħ l-MFSA ordnat li Ali Sadr, Chairman tal-Bank, ma jistax jibqa’ jassumi pożizzjoni ta’ tmexxija wara li ġie arrestat fl-Istati Uniti.

Barra minn dan, inħarġet ukoll ordni biex il-Bank ma jiddisponix, jillikwida, jittrasferixxi jew jitratta bl-assi jew flus tal-klijenti tiegħu.