Lokali

Magni ‘tal-ħasil’ fuq barra ta’ Pilatus Bank u MFSA

MILL-ARKIVJI Magna tal-ħasil quddiem il-bieb prinċipali tal-binja li fiha hemm Pilatus Bank
Fil-lejl li għadda tpoġġew dawn il-magni tal-ħasil quddiem il-bibien prinċipali ta' Pilatus Bank u l-MFSA

Matul dan il-lejl, quddiem il-kwartieri tal-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) fl-Imrieħel u quddiem il-binja f’Ta’ Xbiex li fiha hemm l-uffiċini ta’ Pilatus Bank – tpoġġew magni tal-ħasil.

Ukoll, eżatt taħt il-magna tal-ħasil li tpoġġiet quddiem Pilatus Bank f’Ta’ Xbiex, tpoġġiet plakka simbolika li turi d-data tal-ftuħ tal-bank – 3 ta’ Jannar 2014 inawgurata mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan wara li lbieraħ ukoll NET News kiseb il-kumment tal-Prim Ministru fejn dan tal-aħħar qal li l-bank ma fetaħx fi żmien l-amministrazzjoni tal-Gvern Laburista.

Dan seħħ wara li fis-sigħat bikrin tal-bieraħ, sar magħruf li sid il-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad ġie arrestat mill-awtoritajiet Amerikani u qed jaffaċċja akkużi li bihom jista’ jeħel sa’ 125 sena ħabs. Dan il-bank ħa l-fama f’Malta faqqa l-iskandlu tal-Panama Papers, u li kien bank li intuża kemm mill-Ministru Konrad Mizzi u miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru biex fih jgħaddu l-flus fil-kumpaniji sigrieti tagħhom.

Iżda minkejja l-arrest ta’ Ali Sadr, l-MFSA xorta waħda ma rrevokatx l-liċenzja tal-bank. Minflok f’laqgħa ta’ urġenza, ġie deċiż li Ali Sadr ma jistax jibqa’ jikkopa l-kariga ta’ Direttur tal-bank, u m’għandu l-ebda dritt għall-vot fit-tmexxija tal-kumpanija.

Għalhekk, b’mod simboliku b’rabta mal-‘ħasil tal-flus’, tpoġġew żewġ ‘magni tal-ħasil’ quddiem il-bibien prinċipali ta’ dawn iż-żewġ entitajiet.

Aqra aktar dwar dak li ġie żvelat ilbieraħ:

L-MFSA ma tirrevokax il-liċenzja ta’ Pilatus; tiffriża biss parti mill-operat

Arrestat iċ-Chairman ta’ Pilatus Bank Ali Sadr