Skont il-media internazzjonali, il-whistleblower Russa Maria Efimova, is-sors li għaddiet l-informazzjoni lill-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia, se tingħata ażil fil-Greċja wara li tat ruħha b’idejha lill-awtoritajiet Griegi nhar it-Tnejn li għadda.
F’sit partikolari, Membru Parlamentari Ewropew ġie kwotat jgħid li issa d-deċiżjoni hi f’idejn il-Prim Ministru Alexis Tsipras.
Dan filwaqt li Membri tal-Parlament Ewropew mill-gruppi politiċi kollha qed jinsistu li l-awtoritajiet Griegi jiproteġu lill-whistleblower tal-Bank Pilatus Maria Efimova.
Fi stqarrija konġunta, l-MEPs qed jinsistu li l-awtoritajiet Griegi jassiguraw li Efimova ma tintbgħatx lura Malta, li joffru ażil lil Efimova u l-familja tagħha, kif ukoll biex jagħtuha l-protezzjoni u jassiguraw li tkun f’post sigur.
L-istqarrija iffirmata minn 36 membru Parlamentari Ewropew tikkwota wkoll lil ulied il-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia li sostnew li l-istituzzjonijiet Ewropej fallew milli jiproteġu lil ommohom, u għalhekk issa għandhom jiproteġu lis-sorsi tagħha, igifiri lil whistleblower Russa.
Efimova kien inħarġilha mandat ta’ arrest kemm minn Malta u anke minn Ċipru. Madanakollu, l-avukat tagħha qed jikkontesta l-mandat ta’ arrest li l-Pulizija Ċiprijotta qed tgħid li ħarġet. L-avukat Alexandros Papasteriopoulos qal li hi għandha biss mandat ta’ arrest minn Malta.
Il-whistleblower Maria Efimova kienet impjegata tal-Bank Pilatus u xhud ewlieni f’każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Minbarra mix-xhieda ta’ Efimova, Pilatus Bank inkixef bħala bank tal-ħasil ta’ flus għal nies fil-poter f’Malta u l-Ażerbajġan, bi prova oħra ta’ dan ikun l-arrest fl-Istati Uniti taċ-Chairman tal-Bank.
Wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-whistleblower Maria Efimova qalet li kellha taħrab minn Malta għaliex beżgħet għal ħajjitha u s-sigurtà tal-familja tagħha, u wara li l-biżà u l-pressjoni ta’ arrest komplew jikbru, t-Tnejn filgħaxija marret hi stess għand l-awtoritajiet Griegi.
Aħbarijiet relatati:
//= $special ?>