Lokali Unjoni Ewropea

MEPs mill-gruppi politiċi kollha jinsistu li l-awtoritajiet Griegi jiproteġu lill-whistleblower tal-Bank Pilatus

36 Membru tal-Parlament Ewropew mill-gruppi politiċi kollha qed jinsistu li l-awtoritajiet Griegi jiproteġu lill-whistleblower tal-Bank Pilatus Maria Efimova. Fi stqarrija konġunta, l-MEPs qed jinsistu li l-awtoritajiet Griegi jassiguraw li Efimova ma tintbgħatx lura Malta, li joffru ażil lil Efimova u l-familja tagħha, kif ukoll biex jagħtuha l-protezzjoni u jassiguraw li tkun f’post sigur.

L-istqarrija tikkwota wkoll lil ulied il-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia li sostnew li l-istituzzjonijiet Ewropej fallew milli jiproteġu lil ommohom, u għalhekk issa għandhom jiproteġu lis-sorsi tagħha bl-istess mod li messhom taw protezzjoni lil ommhom. “Maria Efimova m’hix ċittadina tal-Unjoni Ewropea, iżda qegħda fl-istess riskju ta’ ommna. Għandha tiġi protetta, kif messha ġiet protetta ommna,” qalu Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia.

Il-whistleblower Maria Efimova kienet impjegata tal-Bank Pilatus u xhud ewlieni f’każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Minbarra mix-xhieda ta’ Efimova, Pilatus Bank inkixef bħala bank tal-ħasil ta’ flus għal nies fil-poter f’Malta u l-Ażerbajġan, bi prova oħra ta’ dan ikun l-arrest fl-Istati Uniti taċ-Chairman tal-Bank Ali Sadr Hasheminejad.

Il-kompliċità tal-Bank Pilatus ma’ persuni fl-ogħla livell tal-Gvern Malti, b’mod partikolari maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, hi magħrufa permezz ta’ rapporti illeakjati mill-aġenzija Maltija ta’ kontra l-ħasil tal-flus.

Sal-lum għada għaddejja kampanja qawwija mill-Gvern Malti biex Efimova tkun skreditata, u dan wara li sar magħruf li hi sors ta’ Daphne Caruana Galizia.

Daphne Caruana Galizia nqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017. Wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-whistleblower Maria Efimova qalet li kellha taħrab minn Malta għaliex beżgħet għal ħajjitha u s-sigurtà tal-familja tagħha, u wara li l-biżà u l-pressjoni ta’ arrest komplew jikbru, t-Tnejn filgħaxija marret hi stess għand l-awtoritajiet Griegi.

Is-36 MEP jinkludu lit-tliet MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech.