Internazzjonali

Qbil dwar Zona Afrikana għall-Kummerċ Ħieles

Il-Mexxejja ta’ 44 Stat Afrikan iffirmaw ftehim biex joħolqu waħda mill-akbar entitajiet għall-kummerċ ħieles, fuq bażi ta’ kontinent, li jeżistu fid-dinja.
Il-ftehim intlaħaq f’Kigali, il-kapitali tar-Rwanda, waqt li hu ttamat li l-entità ssir effettiva fi żmien sitt xhur.
Madankollu, għaxar pajjiżi, fosthom in-Niġerja, irrifjutaw li jiffirmaw il-ftehim. Intant, dan il-ftehim jeħtieġ ikun ratifikat mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati firmatarji kollha biex iz-Zona Afrikana għall-Kummerċ Ħieles issir realtà.
L-hekk-imsejħa African Continental Free Trade Area (CFTA) għandha twarrab l-ostakoli għall-kummerċ, fosthom tariffi u kwoti għall-importazzjoni.
Dan jippermetti wkoll għall-moviment u ċirkulazzjoni ħielsa ta’ prodotti u servizzi bejn l-Istati-membri, bil-ftehim – skont il-pjan – għandu jixpruna l-kummerċ, l-iżvilupp u x-xogħol.
Ladarba titwaqqaf iz-Zona Afrikana għall-Kummerċ Ħieles, hemm ukoll l-ambizzjoni li jittieħdu aktar passi ‘simili għal meta twaqqfet l-Unjoni Ewropea’ u li jistgħu jinvolvu unjoni doganali, flimkien ma’ suq u munita komuni.