Il-Federazzjoni tal-futbol fi Spanja (RFEF), permezz ta’ stqarrija fis-sit uffiċjali tagħha, qalet li qed tikkunsidra li tiegħu azzjoni legali fil-konfront tal-MFA wara li fil-jiem li għaddew eksplejers Maltin u l-ekskowċ ta’ Malta allegaw li fi tmiem l-ewwel taqsima tal-famuża partita li Malta kienet tilfet 12-1 kontra l-istess Spanja, l-avversarji ta’ Malta ħadu sustanzi illegali filwaqt li l-plejers Maltin ingħataw lumi li bihom ħassemwhom mhux f’sikkithom fit-tieni taqsima.
Il-partita li ntlagħbet f’Diċembru tal-1983 kienet logħba valida mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-1984 u Spanja, biex jgħaddu għall-fażi finali kellhom bżonn 11-il gowl u saħanistra skurjaw 12 kontra t-tim ta’ Malta li dakinhar kien immexxi mill-kowċ Victor Scerri.
Eventwalment, it-tim Spanjol kompla biex baqa’ sejjer sal-finali tal-Kampjonat Ewropew, finali li tilef kontra Franza.
F’dokumentarju li kien imxandar nhar it-Tnejn li għadda mill-istazzjon Spanjol Movistar+ Scerri spjega kif il-plejers Maltin kienu ngħataw il-lumi waqt il-mistrieħ wara l-ewwel taqsima minn raġel liebes l-abjad li mar fid-dressing rooms tat-tim nazzjonali Malti biex jagħtihom il-lumi.
El día más triste de Malta (2/3). #FiebreMaldini pic.twitter.com/h3MEOGlYSs
— Fiebre Maldini en Movistar+ (@Fiebre_Maldini) March 19, 2018
Hu spjega li kemm-il darba ġie mistoqsi jekk il-plejers Maltin ġewx avvelenati, iżda jgħid li m’għandu ebda prova li dan seta’ seħħ.
L-eksplejer Silvio Demanuele li wkoll kien intervistat qal li kien innota lill-plejers bir-ragħwa f’ħalqhom u li l-ħin kollu kienu qed jixorbu l-ilma. Demanuele kompla billi qal li ħassu qisu fis-sakra wara li ħa l-lumi fi tmiem l-ewwel taqsima.
Iżda konferma eżatt ta’ x’ġara dakinhar s’issa ħadd għadu ma qatt ta u lanqas jidher li jista’ jagħti wara li għaddew dawn is-snin kollha.
Jumejn wara li xxandar dan id-dokumentarju pront ħarġet l-istqarrija tal-RFEF tgħid li l-Federazzjoni għandha kull dritt tieħu azzjoni legali fil-konfront ta’ min jipprova jħammeġ ir-reputazzjoni tal-futbol Spanjol u issa wieħed irid jistenna u jara x’passi se tieħu l-Federazzjoni.
//= $special ?>