Għawdex Lokali

Tħassib dwar bini biswit iċ-Ċittadella

Il-proġett importanti tar-restawr tas-swar fiċ-Ċittadella, li sewa miljuni ta’ ewro finanzjati mill-UE, jista’ jiffaċja l-ewwel intopp. Dan wara li l-Awtorita’ tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ Boutique Hotel fir-Rabat Għawdex, minflok binja antika tas-Seklu 18.

Skont stqarrija maħruġa minn Wirt Għawdex, il-permessi jagħtu lok biex jinfetaħ bieb fuq wara tal-binja li jagħti direttament għal fuq is-sur taċ-Ċittadella. Apparti minn hekk is-sulari ġodda ta’ din il-lukanda se jkunu qed jgħattu darba għal dejjem il-veduta tat-Torri tal-Arloġġ mill-pjazza tat-Tokk.

Wirt Għawdex appellat lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Awtorita’ tal-Ippjanar sabiex iwaqqfu dan l-abbuż u dak li sejjħulu “stupru tal-wirt tagħna”.