Futbol Sport

Zlatan Ibrahimović jirriskja sospensjoni mill-FA Ingliża wara ftehim ma’ kumpanija Maltija!

Zlatan Ibrahimovic ma kienx fl-iskwadra kontra Southampton

L-attakkant ta’ Manchester United Zlatan Ibrahimović, li sa tmiem dan ix-xahar jaf jibdel il-klabbs u jingħaqad ma’ LA Galaxy fl-Istati Uniti, qed jirriskja sospensjon mill-Federazzjoni tal-Futbol fl-Ingilterra.

Il-kawża? Ftehim iffirmat u mħabbar mal-kumpanija tal-gaming BetHard, irreġistrata f’Malta.

Skont siti tal-aħbarijiet internazzjonali, la Zlatan Ibrahimović u lanqas BetHard ma talbu l-permess tal-FA Ingliża qabel ġie ffirmat kuntratt ta’ $8,7 miljun biex isir testimonial tal-kumpanija Maltija.

Minkejja dan, il-plejer Żvediż tħabbar fuq is-sit ta’ BetHard sakemm qamet kontroversja u l-kumpanija neħħiet dan l-avviż. Is-sit saħansitra mar offline għal xi ħin immedjatament wara li saret din it-tħabbira.

L-iżvilupp iseħħ wara li s-sena li għaddiet BetHard kisbet ukoll liċenzja biex tibda topera fir-Renju Unit, b’Zlatan Ibrahimović li hu l-aqwa testimonial li jista’ jkollha l-kumpanija hekk kif il-maġġoranza tal-klijenti huma Żvediżi.

Madankollu r-regoli tal-FA Ingliża huma ċari: “L-ebda tesseat m’għandu l-permess li jippubblika jew jippromwovi attivitajiet ta’ logħob tal-flus fuq l-isport” waqt li plejers, managers jew diretturi ma jistgħux jilagħbu l-flus.