Lokali

Arrestati b’40 kilo kannabis; il-Pulizija ma tgħidx meta u fejn saru l-arresti

Stqarrija xotta mid-Depot li ma tagħti ebda dettalji dwar fejn seħħ il-każ

Tlett irġiel, fosthom żewġ Taljani, ġew arrestati mill-Pulizija wara li instab illi kellhom fil-pusses tagħhom mal-40 kilo kannabis. Dawn il-persuni, li l-eta` tagħhom tvarja bejn it-33 u 47 sena kienu arrestati wara li fil-pussess tagħhom instabu kważi 40 kilo ta’ ħaxixa tal-kannabis u madwar nofs kilo raża tal-kannabis.

Instabet ukoll arma tan-nar u madwar €16,000 fi flus kontanti.

Il-Pulizija naqset milli tagħti dettalji fejn seħħet din is-sejba, fejn saru l-arresti, kemm hemm nies interrogati, u lanqas biss f’liema ġurnata ġew arrestati.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntanta.

L-istqarrija tad-depot tgħid biss li s-suspettati qed jgħinu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħha rigward dan il-każ u mhux eskluż li jitressqu xi persuni l-Qorti fil-jiem li ġejjin.