Sport Sport Ieħor

Baldassare Barbera l-leader il-ġdid fil-kategorija Elite tat-Tour ta’ Malta

Baldassare Barbera fl-ewwel post tal-podju

It-Tour ta’ Malta tkompla llum bit-tieni stadju fiċ-ċirkwit ta’ San Martin bl-Elite jagħmlu għaxar dawriet ghal distanza ta’ 88 kilometru, filwaqt li n-Nisa u l-Masters għamlu sitta għal distanza ta’ 52.8 kilometru.

Baldassare Barbera ta’ Team Grasso Villanti Spagnolo ddomina l-Kategorija Elite meta daħal l-ewwel b’ħin ta’ 2:22:03.74, vantaġġ sostanzjali fuq Will Corden ta’ Velo Runner u Josh Housley ta’ TBW Bottecchia Wigmore RT. B’hekk Barbera sar il-leader il-ġdid tat-Tour b’ħin ta’ 2:42:32.90. L-ewwel Malti fil-klassifika ġenerali hu Christian Formosa ta’ The Cyclist li jinsab fis-seba’ post b’ħin ta’ 2:52:57.77.

Fil-Kategorija tal-Masters ħareġ rebbieħ Filippo Porpora ta’ Team Grasso Villanti Spagnolo f’ħin ta’ 1:35:27.63 qabel Freno Gerolamo ta’ ASD Speed Wheel Team u Dave Mitchinson ta’ Contour Cycles RT. Fil-klassifika ġenerali l-leader il-ġdid hu Dave Mitchinson ta’ Contour Cycles RT b’ħin ta’ 1:58:00.50. L-ewwel Malti fil-kategorija tal-Masters hu Michael Camilleri ta’ Pro Action Volata Cycling Team li spiċċa fis-sitt post.

Fil-Kategorija tan-Nisa, Mathilde Pauls ta’ TW 1 Racing ħarġet rebbieħa f’ħin ta’ 1:41:47.14 biex b’hekk saret il-leader tan-Nisa u għada se tibda bil-flokk l-aħmar. Warajha daħlet Gabriela Nordin u Marie Claire Aquilina ta’ Team Greens fit-tielet post fejn ikkonsolidat it-tieni post fil-klassifika generali.

It-tielet stadju hu fiċ-ċirkwit tal-bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ bl-Elite jagħmlu ħmistax-il dawra għal distanza ta’ 68 kilometru, filwaqt li n-Nisa u l-Masters jagħmlu għaxar dawriet għal distanza ta’ 45.4 kilometru.