Lokali

FILMAT: Lawrence Cutajar ikompli jaħsel idejh dwar il-Pilatus

Wara l-Prim Ministru Joseph Muscat, u minkejja li hu fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija, anke Lawrence Cutajar, il-ħames Kummissarju magħżul direttament minn Muscat, għażel li jaħsel idejh mill-Każ Pilatus.

Il-Bank ingħata l-liċenzjabiex jopera f’Malta fi żmien Gvern Laburista u nfetaħ minn Muscat personalment f’Jannar 2014. Issa sidu, l-Iranjan Ali Sadr, qed ikun investigat fl-Istati Uniti b’akkużi li jistgħu jwasslu sa aktar minn 125 sena priġunerija.

Mistoqsi direttament minn NET News jekk jaħsibx li l-awtoritajiet Maltin għandhom jingħaqdu fl-appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex l-MFSA tirrevoka l-liċenzja tal-Bank Pilatus, Lawrence Cutajar ħasel idejh u wieġeb biss li dan mhux fil-mertu tiegħu.

Il-kummenti tal-Kummissarju tal-Pulizija waslu fi tmiem ċerimonja fil-Kwartieri Ġenerali tal-Korp, fejn kien inawgurat Ċentru ġdid għas-Servizz tal-Emerġenza fuq in-numru 112.

Viżibbilment skomdu, il-Kummissarju tal-Pulizija ħarab mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar dan il-Każ u minflok, ikkwota biss stqarrija li l-Korp ħareġ jumejn ilu fid-8.45pm, fejn ingħad ċar u tond li l-Pulizija Maltija mhix se tinvestiga l-każ għax minflok ġejjin l-Amerikani.

Iżda mistoqsi direttament jekk iħossux kuntent bit-‘track-record’ tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija qal li t-‘track-record’ tiegħu jitkellem waħdu.

F’April tas-sena li għaddiet, meta Lawrence Cutajar kien diġà Kummissarju tal-Pulizija, Ali Sadr, is-sid tal-Bank Pilatus inqabad minn NET News ħiereġ mill-bini tal-Bank b’bagalji mimlija.

Waqt xandira speċjali li kienet għaddejja dak il-ħin fuq NET Television, il-Kummissarju tal-Pulizija kien wieġeb li f’dak l-istadju ma kellux aktar x’jikkummenta. Madankollu, ftit tal-minuti biss wara, hu kien inqabad mill-cameras ta’ NET News waqt fenkata fl-Imġarr.

Ali Sadr issa qed jiġi investigat mill-awtoritajiet Amerikani b’akkużi li evada sanzjonijiet ekonomiċi imposti mill-Istati Uniti fil-konfront tal-Iran.