Futbol Sport

Gowl kmieni jwitti t-triq għal rebħa Żvizzera

It-tim Malti li beda l-konfront kontra l-Iżvizzera (Ritratt: MFA)
It-tim nazzjonali Malti ta' taħt il-21 sena lagħab kontra t-tim nazzjonali Żvizzeru ta' taħt l-20 sena

MALTA U21……………..1

ŻVIZZERA U20………..3

Malta: J. Galea (A. Vella 28’), K. Shaw, K. Micallef, D. Vella, K. Zammit (N. Tabone 89’), M. Sansone, J. Grech (N. Muscat 80’), J. Corbolan (C. Borg 61’), J. Degabriele (A. Borg 61’), J. Mbong (D. Agius 74’), K. Nwoko

Żvizzera: P. Kohn, C. Pickel (A. Arigoni 46’), J. Bamert, C. Zesiger (T. Righetti 46’), L. Obexer, R. Arnold (R. Huser 46’), V. Janjicic, M. Aebischer (P. Pusic 46’), K. Duah (M. Liechti 46’), R. Vargas, N. Manzambi

Imwissija: M. Aebischer 45’ (Ż)

Skorjaw: M. Aebischer 12’, V. Janjicic 60’, D. Vella og 81’ (Ż), K. Nwoko 66’ (M)

Referee: Clayton Pisani

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Chris Francalanza

Gowl kmieni fil-logħba witta t-triq għal rebħa ta’ 3-1 għat-tim Żvizzeru ta’ taħt l-20 sena fuq it-tim Malti ta’ taħt il-21 sena. Partita ta’ ħbiberija li serviet bi preparazzjoni għall-impenn kompetittiv tat-Tlieta li ġej kontra t-Turkija.

Partita li fiha t-tim Malti prova joħloq ftit attakki, iżda ħafna drabi r-ritmu tal-avversarji beda jwassal biex iż-żgħażagħ Maltin jgħaġġlu fil-pussess. Partita tajba fost l-oħrajn għal Jake Grech li ħadem bħal kumplament ta’ sħabu f’nofs il-grawnd, iżda serva diversi passaġġi lil sħabu li setgħu kienu ta’ periklu. Silvio Vella ta d-debutt lil diversi plejers, b’Jean Borg ikun assenti wara li lagħab mat-tim nazzjonali tal-kbar ilbieraħ kontra l-Lussemburgu.

Il-kowċ Malti ħareġ b’sistema ta’ 5-4-1, b’Kurt Shaw, Dunstan Vella u Karl Micallef jilagħbu fil-qalba tad-difiża filwaqt li Kurt Zammit u Michele Sansone lagħbu mal-linji. Kyrian Nwoko kien l-uniku attakkant. It-tim Żvizzeru lagħab b’sistema flessibbli li f’ħafna mill-ħinijiet kien 4-3-3.

It-tim Malti ħoloq l-ewwel azzjoni tal-logħba wara 11-il minuta, b’azzjoni tajba fuq il-lemin ta’ Joseph Mbong li krossja lejn Jurgen Degabriele. Iżda kważi żewġ minuti wara, l-Iżvizzera fetħu l-iskor. Kwadwo Duah għadda min-naħa leminija u krossja fil-baxx lejn Michel AEBISCHER li żmarka ruħu tajjeb biex għeleb lil Jake Galea b’xutt fil-baxx.

Iż-żgħażagħ Maltin wieġbu fid-19-il minuta b’xutt ta’ Corbolan li kien salvat f’darbtejn minn Kohn, biex żewġ minuti wara, kien Kyrian Nwoko li laqat il-mimduda b’xutt minn barra l-kaxxa. L-Iżvizzera għal ftit ma skorjawx it-tieni gowl fid-39 minuta, b’Aebischer jidħol tajjeb fl-ispazju u deher li seta’ jikkonkludi mill-kaxxa, iżda l-gowlkiper sostitut Andreas Vella ħareġ tajjeb u blokka fil-ħin. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Nwoko reġa’ impenja lil Kohn b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li iżda kien salvat.

L-Iżvizzeri rduppjaw mas-siegħa logħob b’xutt potenti minn barra l-kaxxa ta’ Vasilije JANJICIC li ma ta l-ebda ċans lil Vella. Żewġ minuti wara l-iskor għal ftit ma sarx 3-0, b’Manzambi jgħaddi lejn Vargas iżda x-xutt tal-aħħar mill-kaxxa spiċċa ftit barra.

It-tim Malti reġa’ daħal fil-logħba fis-66 minuta meta Jake Grech qassam lil Kyrian NWOKO li rebaħ dwell ma’ Timo Righetti u għeleb lil Kohn b’xutt fil-baxx. Martin Liechti kien qrib li jerġa’ jagħti vantaġġ ta’ żewġ lill-Iżvizzera b’xutt angolat fil-baxx, iżda Vella kien attent u salva b’mod brillanti.

L-Iżvizzera skorjaw it-tielet gowl għaxar minuti b’mod fortunat meta Vargas prova jilgħab il-ballun fil-kaxxa u kien imxellef minn Dunstan Vella, bil-ballun jaqbeż lil Vella u jidħol fix-xibka.