Lokali

Il-familji jittallbu għall-ikel “splodew” fl-aħħar 3 snin

"In-nies bil-paga minima mhux ilaħħqu mal-ħajja" - Rev. Kim Hurst

“Sa tliet snin ilu fil-Belt kont issib mal-20 persuna jittallbu l-ikel mingħand il-Food Bank. Illum ikollna bejn 80 u 100 talba fil-ġimgħa”.

Kien b’dan il-mod illi l-Kap tal-Knisja Skoċċiża f’Malta Kim Hurst tiddeskrivi l-bżonnijiet tal-familji Maltin li huma neqsin mill-ħtiġijiet bażiċi, u kif diversi individwi lanqas qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja minħabba li jinsabu fuq il-paga minima.

Kim Hurst kienet mistiedna għal intervista fuq il-programm NET LIVE aktar kmieni din il-ġimgħa. Hi żvelat illi l-problema tal-faqar tant kibret, illi bħalissa għaddejja ħidma biex f’pajjiżna jitwaqqfu żewġ Food Banks oħrajn – wieħed lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u ieħor lejn San Pawl il-Baħar.

Rev. Kim Hurst bħalissa qed tmexxi l-Valletta Food Bank.