L-avukati ta’ Alfred Degiorgio, wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ressaq rikors b’urġenza biex jitneħħa wieħed mill-esperti tal-Qorti li qed jaħdmu fuq dan il-każ.
Degiorgio, magħruf bħala “Il-Fulu”, preżenta r-rikors permezz tal-avukat tiegħu William Cuschieri. Ir-rikors jispjega kif l-avukat Martin Bajada kien ingħata sentenza ta’ ħabs minn Qorti fir-Renju Unit fl-1993 meta hu kien jaħdem mal-Air Malta.
Ir-rikors jikkwota deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell fl-2006 fejn jingħad li jekk ikun hemm dell ta’ dubju fuq l-integrita’ ta’ espert tal-Qorti, allura dan m’għandux jipparteċipa fil-proċess ġudizzjarju.
Sal-lum, l-avukat Bajada għadu jitqabbad regolarment bħala espert tal-Qorti. Hu meqjus bħala espert tal-IT u t-telefonija, u kunsidrat kruċjali fl-investigazzjonijiet relatati mad-delitt ta’ Caruana Galizia.
Il-każ ta’ Alfred u George Degiorgio, u Vince Muscat magħruf bħala “il-Koħħu”, mistenni jkompli nhar it-Tnejn li ġej.
//= $special ?>