Knisja Lokali

Illum il-Knisja f’Malta tfakkar il-festa devozzjonali tad-Duluri

Il-purċissjonijiet joħorġu wara s-6pm

Eluf ta’ devoti illejla mistennija joħonqu t-toroq f’diversi lokalitajiet għall-purċissjonijiet tad-Duluri illi tradizzjonalment dejjem isiru ġimgħa qabel il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira.

Jingħad li din it-tifkira tad-Duluri bdiet fis-Seklu XV fil-belt Ġermaniża ta’ Cologne. Fil-bidu tas-Seklu XVII, din id-devozzjoni qabdet fi Franza u kien il-Papa Benedittu XIII li fit-22 ta’ April 1725 ordna li din il-Festa kellha tkun iċċelebrata mill-Knisja Universali. Minn hawn, kompliet tinxtered dejjem aktar din il-qima lejn id-Duluri.

Meta fl-1814, il-Papa Piju VII wettaq riforma fil-Kalendarju Liturġiku, hu rreġistra d-data tal-15 ta’ Settembru bħala Jum it-Tifkira ta’ Marija Addolorata.

Id-devozzjoni lejn id-Duluri wasslet ukoll biex f’Malta bdew jitwaqqfu għadd ta’ fratellanzi madwar l-ibliet u l-irħula tagħna. L-ewwel Konfraternità tad-Duluri twaqqfet f’Ħal Ghaxaq fl-1684. Fil-Belt Valletta nsibu li twaqqfet fit-12 ta’ April 1765, filwaqt li fil-Mosta twaqqfet fl-1886.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa jibdew uffiċjalment nhar il-Ħadd li ġej, bil-festa ta’ Ħadd il-Palm. Il-ġimgħa d-dieħla imbgħad isiru ċ-ċerimonji fil-knejjes marbuta ma’ Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira – il-jum li jfakkar fil-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.