Knisja Lokali

Jitħassru l-purċissjonijiet tad-Duluri

Il-Purcissjoni f’Tas-Sliema u l-Ħamrun l-uniċi tnejn li sfidaw il-maltemp

Mons Arċisqof Charles J. Scicluna se jiċċelebra quddiesa fis-6:15pm fil-Knisja ta’ Ġieżu, il-Belt Valletta. Dan wara li tħassret il-purcissjoni bl-istatwa tad-Duluri fil-belt kapitali minħabba l-maltemp.

Dan is-sit hu nfurmat li l-pruċissjonijiet f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex tħassru. Dan għajr għall-Parroċċa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema u dik tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun hekk kif il-parruċċani sfidaw l-maltemp u llejla mxew wara l-Vara ta’ Marija Addolorata xorta waħda.

Għadd ta’ parroċċi żammew ċelebrazzjonijiet ta’ talb fil-knejjes flok il-purċissjoni u kienu segwiti b’quddiesa. Però, minħabba l-kobor tal-Knisja Parrokkjali kemm f’Santa Venera u anki f’Raħal il-Ġdid, il-Purċissjoni ta’ Marija Addolorata saret xorta waħda ġewwa tul il-korsija u n-navi.

F’għadd ta’ parroċċi, bħaż-żewġ parroċċi ta’ Ħal Qormi, Ta’ Ġieżu l-Belt u ż-Żejtun, il-purċissjoni ġiet posposta għall-Ħadd li ġej filwaqt li f’San Pawl il-Baħar, Sacro Cuor tas-Sliema u Ta’ Ġieżu r-Rabat, l-istatwa ta’ Marija Addolorata se tingħaqad mal-Via Sagra b’Ġesù Redentur nhar it-Tnejn u t-Tlieta li ġej.