Internazzjonali

L-attakk fuq l-eks-spjun Russu: Ċaħda assoluta li l-kimika kienet prodotta minn laboratorju fir-Renju Unit

Il-kap eżekuttiv tal-laboratorju ta’ Porton Down, fir-Renju Unit, qal li ma  hemm l-ebda possibbiltà li kwalunkwe kimika jew nerve agent f’dan il-kumpless jista’ ikun marbut mal-ivvelenar tal-eks-spjun Russu Sergei Skripal u bintu li seħħ jiem ilu fl-inħawi ta’ Salisbury. Dan meta Skripal, u bintu Yulia, fil-preżent jinsabu l-isptar, f’kundizzjoni kritika.

Gary Aitenhead qal li huma frustranti s-suġġerimenti tar-Russja fis-sens li l-laboratorju tiegħu ‘hu daqstant qrib’ is-sit tal-inċident u meta dan, skont Moska, jista’ jipprovdi element ta’ suspett fil-każ. Hu kompla li l-laboratorju ta’ Porton Down għandu ‘l-ogħla livelli ta’ kontrolli u sigurtà’.

L-attakk bil-kimika fuq Sergei u Yulia Skripal  għad qed ikunu suġġett għal investigazzjonijiet bir-reqqa. Ir-Russja qed tiċħad responsabbiltà għall-attakk waqt li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qed tgħid li x-xjenzati f’Porton Down identifikaw il-materjal użat għall-attakk fuq l-eks-spjun bħala parti minn grupp ta’ nerve agents ta’ grad militari bl-isem Novichok, li żviluppat ir-Russja.

Fi żviluppi oħra, l-Unjoni Ewropea rtirat lill-ambaxxatur tagħha mir-Russja waqt li pajjiżi-membri tal-UE qalu li se jikkunsidraw it-tkeċċija ta’ aktar diplomati Russi b’reazzjoni għall-attakk fuq eks-spjun Russu u bintu fir-Renju Unit.

Id-deċiżjoni tal-UE biex tirtira l-ambaxxatur minn Moska għal xahar ittieħdet wara li l-Prim Ministru May qalet lill-Mexxejja Ewropej li r-Russja kienet ippruvat toqtol lil Skripal, ‘bl-użu ta’ arma kimika fit-territorju ta’ pajjiżha’. Hi fissret l-attakk f’Salisbury bħala ‘parti minn pjan għal aggressjoni mir-Russja kontra l-Ewropa’.

Ir-Renju Unit diġà keċċa numru ta’ diplomati Russi minn artu.