Futbol Sport

L-Italja megħluba mill-Arġentina

Dwell bejn Lucas Biglia (xellug) u Lorenzo Pellegrini (Ritratt: EPA)
Jintlagħbu diversi partiti ta' ħbiberija

Id-debutt tal-kowċ Luigi Di Biagio fit-tmexxija temporanja tat-tim nazzjonali Taljan bdiet fuq nota negattiva wara li l-Italja kienet megħluba 2-0 mill-Arġentina. Ever Banega fetaħ l-iskor kwarta mit-tmiem b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni ċentrali mil-linja tal-kaxxa l-kbira li ħalla lil Buffon iħares. L-Arġentina għalqet il-logħba fil-85 minuta meta minn kontrattakk, Higuain qassam lil Manuel Lanzini li b’xutt fir-rokna tax-xibka għeleb lil Buffon.

L-Ingilterra kompliet tipprepara għat-Tazza tad-Dinja b’rebħa ta’ 1-0 fuq l-Olanda. Il-gowl rebbieħ wasal fid-59 minuta meta minn kross ta’ Danny Rose, il-ballun spiċċa għand Jesse Lingard li b’xutt fil-baxx u fir-rokna għeleb  lil Jeroen Zoet.

Il-Ġermanja u Spanja li huma tnejn mill-favoriti biex jirbħu t-Tazza tad-Dinja spiċċaw fi draw ta’1-1. Rodrigo kien fetaħ l-iskor għal Spanja wara sitt minuti, iżda Thomas Müller ġab id-draw fil-35 minuta.

Franza tilfet 3-2 mal-Kolombja fl-Iżvizzera. Olivier Giroud u Thomas Lemar kienu taw vantaġġ doppju lill-Franċiżi wara 26 minuta.  Luis Muriel naqqas id-distakk żewġ minuti wara, Radamel Falcao ġab id-draw fit-62 minuta biex Juan Quintero skorja l-gowl tar-rebħa minn penalty ħames minuti mit-tmiem.

Il-Brażil għelbu lir-Russja 3-0. Il-gowls għat-tim Brażiljan waslu bejn it-53 u s-66 minuta minn Joao Miranda, penalty ta’ Philippe Coutinho u Paulinho.

Il-Portugall rebħet 2-1 kontra l-Eġittu. Mohamed Salah kien poġġa lit-tim Eġizzjan fil-vantaġġ fis-56 minuta b’xutt mill-ewwel minn barra l-kaxxa. Il-Portugall ġabu d-draw fit-92 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Cristiano Ronaldo, biex l-istess plejer skorja l-gowl tar-rebħa żewġ minuti wara b’daqqa ta’ ras oħra wara kross mil-lemin.