Internazzjonali

Riżenja oħra fil-White House: 40 uffiċjal telqu jew tkeċċew minn mindu Trump ħa l-kariga

Ftit jiem biss wara t-tneħħija ta’ Rex Tillerson minn Segretarju tal-Istat Amerikan, isseħħ ċaqlieqa kbira oħra fl-amministrazzjoni Trump. Issa kien imiss lill-eks Ġeneral Herbert McMaster li spiċċa mill-kariga ta’ Kunsillier għas-Sigurta’ Nazzjonali u postu ittieħed minn John Bolton. Mhux ċar jekk McMaster irriżenjax jew tneħħiex mill-kariga.  Il-kariga ta’ Kunsillier għas-Sigurta’ Nazzjonali hi waħda importanti ħafna fl-istruttura tal-Gvern Amerikan li ħafna drabi jkollu rwol ta’ ko-ordinatur fl-oqsma ta’ politika barranija u ta’ difiża.

John Bolton, li għandu 69 sena,  hu veteran ta’ diversi amministrazzjonijiet Repubblikani fejn serva fost oħrajn fl-amministrazzjonijiet ta’ Ronald Reagan u ż-żewġ Presidenti George Bush. Meqjus bħala li jiffavorixxi politika barranija iktar aggressiva li tinkludi anki intervent militari, l-aħħar kariga ta’ Bolton taħt il-Presidenza ta’ George W. Bush kienet bħala l-mibgħut tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti. Hemmhekk hu kien strumentali biex ippromwova l-invażjoni tal-Iraq fuq il-bażi li Saddam Hussein kellu armi tal-qerda tal-massa, liema bażi eventwalment irriżultat bħala infondata.

Bolton hu t-tielet Kunsillier tas-Sigurta’ Nazzjonali f’14-il xahar minn mindu Donald Trump ħa uffiċjalment il-kariga ta’ President tal-Istati Uniti. Mal-40 uffiċjal – li kienu maħtura minn Trump stess – telqu jew tkeċċew mill-White House f’dawn l-14-il xahar.