L-eks-President ta’ Franza, Nicolas Sarkozy, qal lill-maġistrati li l-akkuzi dwar il-finanzjament illegali mil-Libja rigward kampanja elettorali tiegħu għall-Presidenza Franċiża kienu bażati kollha kemm huma fuq il-gideb.
Qed ikun allegat li l-fondi għal din il-kampanja tal-2007 kienu ngħatawlu mingħand l-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi, u Sarkozy qed isostni li ‘dan il-gideb għamlulu ħajtu miżerja u li hu, b’kaġun tal-gideb, kien tilef it-tentattiv tal-2012 għall-Presidenza ta’ pajjiżu.’
Sarkozy, li għandu 63 sena u li kien President mill-2007 sal-2012, kien infurmat mill-investigaturi li hu jinsab taħt suspett formali ta’ korruzzjoni passiva, bl-eks-President Franċiż jista’ jeħel sentenza massima ta’ għaxar snin ħabs.
L-investigaturi kienu damu jumejn jinterrogaw lil Sarkozy, meta l-każ qed jikkonċentra fuq ‘ċirkustanzi li mhumiex għal kollox ċari’ li jinvolvu spjuni Libjani, traffikanti tal-armi u l-allegazzjoni ewlenija li Muammar Gaddafi kien appoġġja l-kampanja elettorali ta’ Sarkozy (fl-2007) b’miljuni ta’ ewro li ntbagħtu fil-bagalji lejn Pariġi.
Intant, Sarkozy dejjem ċaħad l-allegazzjonijiet u, waqt dikjarazzjoni li kienet pubblikata mill-istampa Franċiża, insista li ‘il-kalunji inkwistjoni għamlulu ħajtu infern u li l-kontroversja xprunata minn Gaddafi u persuni qrib tiegħu, fl-2016, tellfulu ammont ta’ voti li swewlu l-Presidenza ta’ Franza’.
Nicolas Sarkozy kien suġġett għal kritika qawwija meta, fl-aħħar xhur tal-2007, kien ta merħba kbira lil Gaddafi waqt żjara li l-eksdittatur Libjan kien għamel f’Pariġi.
Hu qed jgħid li l-problemi tiegħu bdew f’Marzu tal-2011, wara li kien laqa’ lir-ribelli Libjani li riedu jwaqqgħu lil Gaddafi, u meta kien fost il-protagonisti wara l-kampanja militari tan-NATO li, fl-aħħar nett, irriżultat fil-waqa’ tal-eksreġim Libjan u l-qtil ta’ Gaddafi, aktar tard dik is-sena.
Sarkozy ikkundanna wkoll ‘il-gideb’ ta’ persuna prominenti li qed takkużah – f’dan il-każ, negozjant Franċiż ta’ nisel Lebaniż li fisser lilu nnifsu bħala ‘sensar li jaħdem minn taħt’ u li, allegatament, kien strumentali ‘għall-kuntatti bejn l-eksawtoritajiet f’Pariġi u l-kapijiet tas-servizzi sigrieti Libjani’.
Sarkozy jiċħad li ħa flus mingħand Gaddafi


