It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena għaddej bl-aħħar preparamenti qabel impenn doppju, għada kontra t-tim nazzjonali Żvizzeru ta’ taħt l-20 sena f’partita ta’ ħbiberija, li se sservi ta’ preparazzjoni għall-impenn diffiċli fit-Turkija nhar it-Tlieta.
Il-logħba kontra t-Turkija hi minn Grupp 6 ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena u se tkun is-sitt logħba fil-Grupp għaż-żgħażagħ Maltin wara ħames telfiet fl-ewwel ħames ħarġiet fi grupp diffiċli li jinkludi l-Iżvezja, il-Belġju, l-Ungerija u t-Turkija.
Dan se jkun ukoll l-ewwel impenn għal dawn iż-żgħażagħ din is-sena u fl-aħħar ħarġa tagħhom proprju kontra t-Turkija f’Novembru li għadda f’Ta’ Qali t-tim Malti tilef 1-0.
Bi preparazzjoni għal din il-logħba fit-Turkija, it-tim ta’ taħt il-21 sena jilgħab logħba ta’ ħbiberija kontra l-Iżvizzera fil-livell ta’ taħt l-20 sena nhar il-ġimgħa fis-1pm fis-Centenary Stadium.
L-iskwadra ilha minn nhar it-Tnejn għaddejja bil-preparamenti tagħha taħt il-gwida tal-kowċ Silvio Vella, l-assistant tiegħu Noel Turner u t-Team Manager Jason Vella.
Skwadra b’taħlita ta’ plejers ta’ esperjenza f’dan il-livell u li ilhom flimkien minn meta rrapreżentaw lill-pajjiżna fil-livell ta’ taħt is-17-il sena fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew tal-UEFA erba’ snin ilu f’Malta.
Minkejja li għadhom żgħar fl-eta, plejers bħal Jean Borg, Jake Grech, Jurgen Degabriele, Joseph Mbong u Kyrian Nwoko qed jistabilixxu ruħhom. L-iskwadra tinkludi wkoll numru ta’ uċuħ ġodda, fosthom il-gowlkiper Andreas Vella, Kurt Shaw ta’ Sliema Wanderers, u Dylan Agius ta’ Pieta Hotspurs.
Fl-iskwadra hemm ukoll Andrea Borg ta’ Peterborough u Conor Borg ta’ Roma żewġ plejers li qed jilagħbu barra minn Malta.
Id-difensur ta’ Valletta Jean Borg jingħaqad mal-iskwadra ta’ taħt il-21 sena għada, hekk kif illum se jkun parti mit-tim nazzjonali Malti tal-kbar. L-iskwadra proviżorja ta’ 20 tinżel għal tmintax qabel il-vjaġġ lejn it-Turkija s-Sibt filgħodu.
Skwadra proviżorja
Goalkeepers: Jake Galea (Ħamrun Spartans), Andreas Vella (Mosta)
Difensuri: Jean Borg (Valletta), Kurt Shaw (Sliema Wanderers), Karl Micallef (Ħamrun Spartans), Dunstan Vella (Hibernians), Kurt Zammit (Birkirkara), Neil Tabone (Żejtun Corinthians), Michele Sansone (Sliema Wanderers).
Midfielders: Conor Borg (Roma), Dexter Xuereb (Mosta), Nikolai Muscat (Gżira United), Jake Grech (Birkirkara), Dylan Agius (Pietà Hotspurs), Zachary Scerri (Gżira United), Juan Corbalan (Gżira United)
Attakkanti: Jurgen Degabriele (Hibernians), Joseph Mbong (Hibernians), Kyrian Nwoko (Valletta), Andrea Borg (Peterborough United)
//= $special ?>