Futbol Sport

Zlatan Ibrahimovic jingħaqad uffiċjalment ma’ LA Galaxy

Din se tkun l-ewwel esperjenza ta' Ibrahimovic fl-Istati Uniti

Il-klabb Amerikan Los Angeles Galaxy ikkonferma l-akkwist ta’ Zlatan Ibrahimovic. Manchester United ħabbru l-Ħamis li kienu laħqu ftehim reċiproku ma’ Ibrahimovic biex jintemm il-kuntratt tal-plejer ta’ 36 sena.

“Iddeċidejt li niffirma ma’ Galaxy għaliex naħseb li hu l-aħjar post għalija. Naħseb li għandi ħafna x’nagħti u ngħinhom ħafna. Hu l-aqwa tim fl-Istati Uniti u ma kienx hemm dubji,” qal Ibrahimovic.

L-Iżvediż ħa riklam ta’ paġna sħiħa minn qabel fit-Times ta’ Los Angeles tal-bieraħ biex antiċipa l-uffiċjalità ta’ Galaxy, fi stil tipiku ta’ Ibrahimovic.

Matul il-karriera tiegħu, Ibrahimovic rebaħ il-kampjonat f’erba’ pajjiżi differenti. Hu ħalla lill-klabb Żvediż Malmo biex ingħaqad ma’ Ajax fl-2001. Minn hemm hu lagħab ma’ Juventus, Inter, Barcelona, Milan u Paris Saint Germain qabel ma’ ngħaqad ma’ Manchester United fl-2016.

Mat-tim Ingliż hu skorja 29 gowl f’53 logħba, bl-aħħar gowl jasal fl-eliminazzjoni mill-EFL Cup kontra Bristol f’Diċembru li għadda. Ibrahimovic lagħab parti strumentali biex Manchester United rebħu l-Community Shield, il-League Cup u l-Europa League l-istaġun li għadda.