Iċ-champion renjanti tal-Formula 1 Lewis Hamilton tal-Mercedes kiseb l-ewwel Pole Position għal dan l-istaġun hekk kif irreġistra l-aqwa ħin fis-sessjoni ta’ kwalifiki tal-Grand Prix tal-Awstralja li se jsir il-Ħadd.
Bħal ma seħħ jum qabel fil-provi liberi, ir-Red Bull u l-Ferrari taw sfida denja lill-Mercedes u kien biss lejn tmiem is-sessjoni tal-bieraħ li Hamilton aċċerta mill-Pole Position.
Mit-tieni u mit-tielet post se jibdew Kimi Raikkonen u Sebastian Vettel tal-Ferrari. Ir-raba’ u l-ħames l-aħjar ħin kien reġistrat mill-koppja tar-Red Bull Max Verstappen u Daniel Ricciardo rispettivament imma ta’ min jinnota li Ricciardo se jibda mit-tmien post wara li l-Ġimgħa kien ingħata sospensjoni ta’ tliet postijiet wara li saq aktar milli suppost taħt il-bandiera l-ħamra.
Is-sewwieq l-ieħor tal-Mercedes, Valtteri Bottas se jingħata penalità ta’ ħames pożizzjonijiet. Dan minħabba li t-tim irid jibdel il-gearbox għax Bottas ħabat waqt it-tielet sessjoni ta’ provi u kkawża ħsarat kbar fil-karozza.
It-tamiet li l-McLaren jibdew l-istaġun fuq nota pożittiva ħadu daqqa ta’ ħarta wara li s-sewwieqa tagħhom Fernando Alonso u Stoffel Vandoorne rreġistraw il-11 u t-12-il aħjar ħin tal-ġurnata.
Grazzi għal dan il-Pole Position Hamilton issa hu l-aktar sewwieq li qatt kiseb Pole Positions fiċ-ċirkwit tal-Awstralja, total ta’ sebgħa, waħda aktar mill-eks sewwieq leġġendarju Ayrton Senna.
Madankollu fatt interessanti hu li mis-sitt darbiet preċedenti li Hamilton beda mill-ewwel post fl-Awstralja rebaħ it-tellieqa biss darba.
Kif se jibdew:
1. Lewis Hamilton – Mercedes
2. Kimi Raikkonen – Ferrari
3. Sebastian Vettel – Ferrari
4. Max Verstappen – Red Bull
5. Daniel Ricciardo – Red Bull
6. Kevin Magnussen – Haas
7. Romain Grosjean – Haas
8. Nico Hulkenberg – Renault
9. Carlos Sainz Jr. – Renault