Artiklu li deher fuq il-paġna tal-Kunsill Lokali f’in-Nazzjon tal-bieraħ
Pjazza San Pawl
Cuschieri qalilna li fil-Ħamrun waħda mill-iktar suġġetti li qajmu kontroversja fil-lokal kien il-proġett propost minn sid il-kiosk li qiegħed fi Pjazza San Pawl li kien se jara l-ispazju pubbliku jiċkien sabiex jiġu akkomodati parkeġġi għall-klijenti tal-kiosk. Sfortunatament, il-Kunsill preċedenti, permezz tal-casting vote tas-Sindku ta’ dak iż-żmien, għażel li ma jagħmilx oġġezzjoni għal dan il-proġett. Il-pożizzjoni tal-Kunsilliera tal-PN, kemm dawk preżenti u anke dawk fil-Kunsill preċedenti kienet li dan il-proġett m’għandux jiġi approvat kif propost. Għalhekk il-Kunsilliera PN sostnew l-oġġezzjoni direttament mal-PA sabiex jagħtu leħen lil dawk ir-residenti li ħassewhom injorati mill-Kunsill. F’Marzu 2016, waqt iż-żmien tal-appelli u oġġezzjonijiet, il-PN issottometta r-raġunijiet għalfejn jemmen li l-pjazza m’għandiex tiċkien.
Bl-impenn tal-PN fuq l-iżvillupp fi Pjazza San Pawl ħalla l-frott u kif ukoll ferm aktar spazju pubbliku, spażju li fil-Ħamrun mhux xi ħaġa daqstant komuni.
L-impenn tal-PN f’dan ir-rigward ħalla l-frott għaliex id-deċiżjoni tal-PA li ħarġet il-pjanti kellhom jiġu riveduti sabiex dan l-ispazju ma jitteħidx. Cuschieri qal li t-tim tal-PN fil-Ħamrun huwa sodisfatt b’dan, u li permezz t’hekk ġew mgħotija widen il-Kunsilliera tal-PN u r-residenti li rnexxielhom isalvaw spazju pubbliku milli jittieħed għall-interess waħdieni.
Sigurtà
“Il-ħtieġa ta’ aktar sigurtà fil-Ħamrun ilha żmien tinħass”, hekk stqarr magħna Cuschieri fejn qalilna li l-Kunsilliera tal-PN kontinwament qed jaħdmu u jagħmlu pressjoni biex tiżdied is-sigurtà fil-lokal.
Huwa qalilna li l-kwistjoni tal-proġett ma kienetx biex tinvolvi l-iżvilupp iżda wkoll anki dwar in-nuqqas ta’ sigurtà fl-istess pjazza. Saħaq li huma l-ħafna nies li jiddejqu jgħaddu minn hemm.
“Huwa ironiku li dan in-nuqqas ta’ sigurta jinħass fi Pjazza li fiha hemm proprju l-għassa tal-Pulizija iżda r-realta hi li hi.”
Cuschieri qalilna li qed issir ħafna pressjoni sabiex tiżdied is-sigurtà, u kif ukoll qed isiru ħafna laqgħat mal-forzi tal-ordni sabiex il-preżenza tagħhom tiżdied, iżda huwa qalilna li sfortunatament dawn il-laqgħat għadhom ma ġabux ir-riżultat mixtieq.
Fuq insistenza tal-Kunsilliera tal-PN, il-Kunsill iddeċieda li jieħu l-passi li jista’ sabiex tiżdied is-sigurta fil-Pjazza u b’hekk ġew installati numru ta’ CCTV Cameras, iżda Cushieri stqarr magħna li anki hawn l-intoppi. Huwa qal li diffiċli wieħed jifhem kif ċertu reżistenza għal dawn il-cameras saret proprju mill-Pulizija tal-lokal – iżda wara insistenza dawn twaħħlu u huma attivi minkejja li fadal xi xogħol relatat magħhom li għad irid isir sabiex jieħdu l-funzjoni kompleta tagħhom. Il-Minority Leader qal li għalkemm dawn ma solvewx il-problema totalment, jidher is-sitwazzjoni tjiebet xi ftit u qed iservu ta’ deterrent għal ħafna abbużi li kienu jsiru f’din l-istess pjazza.
Kompla jgħidlna li żdiedet ukoll is-sigurta fil-faċilitajiet pubbliċi li issa huma wkoll attrezzati b’CCTV fl-entratura prinċipali tagħhom li wkoll qed isservi ta’ deterrent għal kull abbuż.
Attivitajiet
Il-Kunsill Lokali Ħamruniż kompla jibni fuq dak li beda snin ilu bil-Festival taċ-Ċikkulata li llum sar sinonimu mal-lokal. Cuschieri qalilna li dan il-festival qed jikber minn sena għal oħra u l-fatt li qed isir fi Triq il-Kbira San Ġużepp intlaqa tajjeb minn ħafna minn nies – iżda dan ifisser ukoll li żoni oħra ma jistgħux jiġu injorati.
Il-Kunsilliera tal-PN kontinwament qed jisħqu fuq l-importanza li jiġu organizzati attivitajiet anke f’żoni oħra tal-Ħamrun, partikolarment dik tal-Parroċċa tal-Immakultata Kunċizzjoni u grazzi għal din l-insistenza, llum qed naraw xi attivitajiet organizzati f’din iż-żona. Fl-2016 sar Christmas Market żgħir fi żmien il-festi tal-Milied filwaqt li din is-sena ġew organizzati għall-ewwel darba attivitajiet tal-Karnival sabiex b’hekk il-ħidma tal-Kunsill tinħass mill-Ħamrun kollhu u mhux minn żona waħda tal-lokal. (uri stampa ta’ Pjazza Kappillan Muscat)
Cushieri qalilna li attività ewlenija li l-Kunsill xpruna kienet dik li tfakkar il-500 sena mid-dehriet mistiċi ta’ San Gejtanu. Filwaqt li l-Kunsill kien protagonist fit-tfassil tal-programm u l-organizzazzjoni ta’ dawn il-festi, fuq suġġeriment tal-Kunsilliera tal-PN, il-Kunsill Lokali ppubblika ktieb li jispjega dawn l-avventiment u jfakkar din l-okkażżjoni. Inizjattiva li ntlaqat tajjeb ħafna minn nies ta’ kull eta li għandom il-Ħamrun għal qalbhom.
Qalilna li saret ukoll attività li wriet il-qalb tal-Ħamruniżi u li permezz tagħha nġabru fondi għall-vitmi tat-terremoti fl-Italja. Attività oħra li nibtet minn sempliċi telefonata bejn il-Kunsilliera tal-PN u li twettqet b’ħidma sfieqa partikolarment mit-tlett Kunsilliera tal-PN li riedu jaraw li din l-attività filantropika tkun waħda ta’ suċċess.
Ġieħ il-Ħamrun
Il-Kunsillier tal-PN qalilna li wara l-kontroversja li nqalgħet bl-għoti ta’ ġieħ il-Ħamrun lil Ray Azzoppardi fl-2015, permezz ta’ insistenza mill-Kunsilliera tal-PN, illum is-sistema ta’ kif dan il-premju jingħata nbidlet u saret aktar trasparenti. Filwaqt li ġew stabbiliti sett regoli li jiċċaraw l-eliġibilità ta’ individwi li jistgħu jiġu nnominati, l-għażla qed issir mill-għaqdiet tal-lokal u mbagħad approvata mill-Kunsill Lokali – b’hekk ġie limitat l-element politiku-partiġġjan li fis-snin li għaddew tappan anke dan il-premju.
Huwa qalilna li sfortunatament, din l-istruttura xorta waħda ma żammitx lill-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Labursita fil-lokal milli joħnoq dan il-premju, tant li din is-sena, ġieħ il-Ħamrun ingħata lil tnejn minn nies minflok wieħed. Dan sar wara li ttieħed vot fil-Kunsill li ntrebaħ mill-maġġoranza Laburista fil-Kunsill sabiex b’hekk, il-persuna nominata mill-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Laburista ingħatat dan l-unur ukoll, flimkien ma’ George Sciberras li kien il-persuna magħżula mill-proċess proprju.
Fondi
Huwa qalilna li fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura l-Kunsill applika għal fondi sabiex isir restawr tal-Knisja ta’ Santu Nuzzu – responsabbiltà li kienet taqa taħt id-dekasteru tal-Kunsilliera tal-PN. Dawn il-fondi ingħataw u fl-2017 dan ix-xogħol tlesta. Cuschieri qalilna li bis-saħħa tal-Kunsilliera tal-PN il-Ħamrun gawda minn proġett ieħor ta’ tisbiħ. Tajjeb ngħidu li kważi kull applikazzjoni ta’ fondi li saret fl-aħħar snin, dejjem kienet xprunata minn Kunsilliera tal-PN.
Inizjattivi Ambjentali
Cushieri stqarr magħna li waħda mill-ikbar weġgħat tal-Ħamruniżi hija l-indafa fil-lokal. Qed isir ħafna xogħol t’edukazzjoni f’dan ir-rigward, partikolarment ma’ sidien tal-ħwienet tal-ikel sabiex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu biex il-Ħamrun jinżamm nadif. Żdiedu iktar bins u ġew immodernizzati biex tingħata aktar dehra sabiħa lil-lokal Ħamruniż. Filwaqt li żdiedu wkoll bins apposta biex jintużaw minn sidien ta’ klieb. Huwa qalilna li qed isir ukoll ħafna xogħol sabiex il-bring in sites fil-lokal jintużaw sew. Qalilna li sfortunatament minħabba numru t’abbużi kellhom jiġu nstallati CCTV cameras ħdejn dawn il-bring in sites u dawn qed iħallu riżultati tajbin. Permezz tagħhom ġew identifikati u mwiddba numru ta’ persuni li ma kienux qed jużaw dawn il-bring in sites kif suppost u llum is-sitwazzjoni tjiebet.
Ħidma biex f’dawn l-aħħar sentejn, żdied it-tindif u knis fil-lokal li issa qed dan qed isir anke nhar ta’ Ħadd. Huwa qalilna li qed isir progress iżda l-lokal għadu ftit ‘il bogħod biex jara r-riżulati mixtieqa. Huwa qalilna li l-Kunsill qed ikun parteċipi f’diversi attivitajiet li jiġu organizzati fuq skala nazzjonali partikolarment fir-riċiklaġġ.
Cuschier stqarr magħna li qed jinħadem tender ġdid għal ġbir tal-iskart sabiex dan jibda jsir f’ħin aktar konvenjenti – sfortunatament, minkejja li l-Kunsill qabbad espert biex jassistih f’dan it-tender minħabba li huwa pjuttost tekniku, dan l-espert ħa n-naħa ta’ applikant iktar milli tal-Kunsill. Dan wassal għas-sitwazzjoni fejn minkejja li t-tender diġa kien aġġudikat, minħabba appelli u kawżi fil-qorti dan it-tender kellhu jiġi null u jinħareġ ieħor ġdid. Il-Kunsillier Nazzjonalista qal li bħal ma dejjem jiġri, f’dawn iċ-ċirkustanzi l-ikbar vittmi jkunu r-residenti għaliex s’issa għadhom ma jistgħux igawdi mill-progress li jixtieq iġib il-Kunsill.
Huwa qalilna li ma dan tajjeb li nżidu li l-Kunsill qed isebbaħ diversi toroq permezz ta’ pjanti provduti mill-Kunsill stess, li mbagħad qed jiġu kkurati mir-residenti. Dan il-proġett għadu għaddej u fix-xhur li ġejjin se naraw li jintlaqu aktar żoni tal-lokal b’din l-inizjattiva.
Antonello Cuschieri għalaq l-intervista billi qalilna li l-Kunsilliera kollha tal-PN, kemm hu, kif ukoll Louise Tedesco u Efrem Buttigieg qed jaħdmu id f’id biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jwettaq ħidma fejjieda fil-Ħamrun. Huwa qal li għalkemm il-PN jinsab f’minoranza, dan ma jaqtax qalb il-kunsilliera li jibqgħu jaħdmu għall-ġid komuni tal-Ħamruniżi. Huwa qalilna li se tkompli tissokta aktar u aktar ħidma biex il-PN jagħmel tassew ħidma ta’ titjieb lejn il-lokal.
//= $special ?>