Futbol Sport

Il-YFA tiddeċiedi li l-ebda logħba mhu se tibda mingħajr mediku

Il-Youth Football Association ħadet deċiżjoni ta’ kuraġġ hekk kif b’effett immedjat mill-partiti ta’ din il-ġimgħa, sakemm jinħarġu direttivi oħra, il-logħob li fihom ma jkunx hemm preżenti servizz mediku mhux se jibda.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li fl-aħħar ġimgħat kien hemm xi partiti li kienu mingħajr is-servizz mediku preżenti, u f’każ minnhom inqala’ inċident f’logħba ta’ taħt is-17-il sena fejn ma kienx hemm mediku minħabba li nqala inċident lill-persuna li suppost kellu jkun fil-ħin tal-logħba.

Il-proċedura se tkun li jingħata 15-il minuta ċans mill-ħin uffiċjali li l-logħba suppost tibda, u jekk ma jkunx hemm mediku l-logħba tkun mħassra mill-YFA. Fi stqarrija l-YFA qalet li din id-deċiżjoni ttieħdet fl-aħjar interess tal-plejers u s-serħan il-moħħ tal-ġenituri u dawk kollha involuti.