Robert Arrigo, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Partit, stieden lin-Nazzjonalisti kollha biex għada l-Ħadd jiġu d-Dar Ċentrali u jikkontribwixxu bl-aħjar mod li jistgħu għall-maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-Partit Nazzjonalista.
F’intervista ma’ In-Nazzjon, Robert Arrigo qal li kollox hu lest għal din il-maratona u għal darb’oħra qed josserva ħafna entużjażmu u impenn biex dan l-avveniment ikun wieħed suċċess kif kienu l-maratoni l-oħrajn li organizza l-Partit Nazzjonalista.
Din id-darba l-maratona se tkun qed tieħu forma xi ftit differenti mis-soltu anki bis-sehem ta’ grupp ta’ żgħażagħ li se jkunu qed jinqaflu għal erbatax-il siegħa biex ifasslu l-futur tagħhom.
Hu qal li din hi maratona oħra ta’ ġbir ta’ fondi mill-aktar importanti u għandha tkun opportunità tajba ħafna mhux biss għall-ġbir tal-flus biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ u jissokta jqum fuq saqajh finanzjarjament, iżda wkoll għandha sservi bħala appoġġ għall-ħidma kbira li qed titwettaq mit-Tmexxija u l-Amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.
Robert Arrigo kompla li hu qiegħed josserva kif matul ix-xhur li għaddew bdew ġejjin nies ġodda lejn il-Partit Nazzjonalista.
“Hawn ħafna ideat biex il-Partit jissaħħaħ, ħafna entużjażmu għat-tmexxija u t-tim il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista u dan ikompli jimla lilna bil-kuraġġ biex naħdmu ħalli nfasslu l-viżjoni tal-Partit mhux biss bħala Oppożizzjoni imma biex fis-snin li ġejjin, il-poplu jħares lejn il-Partit Nazzjonalista bħala Gvern alternattiv.”
Robert Arrigo qal li hu jaqbel perfettament ma’ dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fis-sens li b’differenza mill-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista ma jiddependix mill-ħafna tal-ftit iżda jiddependi mill-ftit tal-ħafna għaliex hu l-Partit tan-nies.
Il-Partit Nazzjonalista hu l-Partit li biex mexa ’l quddiem ma seraqx propjetà, ma ħatafx propjetà li mhux tiegħu, ma kisirx il-liġi biex stagħna hu. Il-Partit Nazzjonalista uża l-idejn ta’ min ħadem fih, l-għaraq ta’ min ħadem miegħu u r-rieda u l-għajnuna ta’ kull ċittadin li jemmen li fil-pajjiż jista’ jibqa’ leħen wieħed favur is-sewwa, kompla l-Viċi Kap Nazzjonalista.
Hu kompla li hemm ħafna xogħol li jrid jissokta u hawn ħafna affarijiet li jista’ jagħmel il-Partit Nazzjonalista mhux biss biex jissaħħaħ bħala Oppożizzjoni imma anke biex jissaħħaħ finanzjarjament.
“Nemmen li nistgħu nagħmlu suċċess. Iżda dan is-suċċess irid jasal b’ħafna ħidma u din il-ħidma se tkompli anke permezz ta’ din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza f’din tmiem il-ġimgħa.
Robert Arrigo ssokta li din il-maratona ġbir ta’ fondi għandha t-tema ‘Partit pożittiv, Oppożizzjoni b’saħħitha’. L-iskop wara din it-tema tal-maratona hu li l-PN jirċievi l-għajnuna mingħand in-nies, għajnuna finanzjarja li permezz tagħha l-Partit Nazzjonalista jkompli jinvesti fil-mezzi kollha tiegħu biex iwassal il-messaġġ tiegħu lill-poplu. Dan billi t-tmexxija l-ġdida tkompli tibni fuq it-tajjeb li diġà sar.
Hu qal li jistieden lil kulħadd biex jagħti s-sehem tiegħu f’din il-maratona. Min irid jagħti €15 għandu jċempel fuq 5170 2008; min irid jagħti €25 għandu jċempel fuq 51802011; min irid jagħti €50 għandu jċempel fuq 5190 2050. Jistgħu jsiru donazzjonijiet ukoll permezz ta’ sms li jkun jiswa’ €11.65 u dan fuq in-numru ta’ 5061 9252. Pledges oħrajn jistgħu jsiru fuq in-numru 25965224.
Robert Arrigo temm li n-numri tat-telefon huma diġà kollha miftuħin. “Ninsab persważ li din se tkun maratona oħra ta’ suċċess kbir għalina lkoll li se turi u tikkonferma li aħna Partit pożittiv u Oppożizzjoni b’saħħitha.”
//= $special ?>