Rugby Sport

Nistieden lil dawk li għadhom qatt ma raw logħba rugby biex jiġu u jesperjenzaw l-atmosfera – Steve Busuttil President tal-MRFU

It-tim Malti jimmira li jirbaħ il-grupp b’punti massimi

Illum it-tim nazzjonali Malti jilgħab l-aħħar logħba tiegħu mir-Rugby Europe Conference 1 South kontra l-Andorra. It-tim Malti jibda favorit li jikseb ir-rebħa, hekk kif rebaħ it-tliet logħbiet tiegħu, filwaqt li l-Andorra tilfu ż-żewġ konfronti li lagħbu sa issa.

B’dawn ir-rebħiet, it-tim immexxi minn Damien Neill assigura li jispiċċa fil-quċċata u għalhekk żgur li se jkun qed jipprova li jirbaħ il-logħbiet kollha fil-grupp.

Ġimgħa ilu t-tim nazzjonali Malti għeleb lill-Iżrael 24-17 f’logħba li ntlagħbet barra l-pajjiż. Għat-tim ta’ Damian Neill it-tries waslu minn Daniel Harvey u tnejn minn Luke Watts, b’James O’Brien jiskorja t-tliet conversions kif ukoll penalty.

Dan is-sit għamel kuntatt mal-President tal-MRFU Steve Busuttil. Hu qal li t-tim Malti ġej minn rebħa kontra l-Iżrael li fiha rebħu kontra tim li fl-opinjoni tiegħu hu t-tim fiżiku ħafna. “Qed nittamaw li t-temp ikun ħanin magħna u x-xita tieqaf, biex inkunu nistgħu nilagħbu l-istil tagħna ta’ logħob miftuħ u eċċitanti li urejna fl-aħħar ftit logħbiet.”

Busuttil qal li l-bejgħ tal-biljetti kien inkoraġġanti u qed jistennew attendenza tajba mill-partitarji leali tagħhom. “Jien nistieden lil dawk li għadhom qatt ma esperjenza l-logħba tar-rugby biex jiġu u jesperjenzaw l-atmosfera li l-voluntieri tal-Malta Rugby flimkien mas-South End Core jistgħu joħolqu fil-Hibernians Stadium.”