Lokali

Rifjutata l-protezzjoni ta’ whistleblower lil Jonathan Ferris

L-eks uffiċjal tal-Financial Intelligence Analysis Unit, Jonathan Ferris, kellu t-talba tiegħu għal protezzjoni ta’ whistleblower rifjutata.

Dan wara deċiżjoni dwar protest ġudizzjarju li Ferris ressaq wara li l-Gvern ma tahx din il-protezzjoni minkejja li jisħaq li ħajtu tinsab f’riskju għal dak li investiga u żvela.

Jonathan Ferris filfatt kien tkeċċa mill-FIAU wara li fost l-oħrajn kixef kif il-Pulizija ma mxietx mal-proċeduri u ma rreġistratx ir-rapporti dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Dwar il-każ tal-Egrant, Ferris qal li l-pulizija ħallew l-evidenza taħrab.

Wara erba’ xhur jitlob il-protezzjoni ta’ whistleblower, bil-Gvern ikaxkar saqajh, Ferris ma kellux għażla ħlief li jiftaħ Protest Ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru, il-Ministru tal-Ġustizzja, l-Avukat Ġenerali u Philip Massa li hu l-uffiċjal inkarigat mill-External Whistleblower Unit.

Jonathan Ferris informahom formalment li l-pożizzjoni tagħhom hi bi ksur sfaċċat tal-Liġi tal-Whistleblowers, bil-Gvern jirrispondi li biex jingħata din il-protezzjoni, irid jikxef l-informazzjoni kollha li għandu.

Iżda issa din il-protezzjoni ġiet rifjutata. Kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru Owen Bonnici ressqu kontro-protest fejn jgħidu li l-protest ġudizzjarju m’għandux ikun fil-konfront tagħhom, waqt li l-uffiċjal tal-External Whistleblower Unit Philip Massa ddikjara li Ferris ma jikkwalifikax għall-protezzjoni.

It-tim legali li qed jirrappreżenta lil Ferris iddikjara madankollu li minkejja dan il-ġlieda legali tagħhom għall-protezzjoni fil-konfront ta’ Ferris tibqa’ għaddejja.

Ferris fetaħ ukoll kawża quddiem it-Tribunal Industrijali fejn qed jitlob ġustizzja għat-tkeċċija tiegħu mill-FIAU, liema tkeċċija jiddeskrivi bħala inġusta.