Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Roberta Metsola b’diskors ewlieni fl-Istati Uniti

“Illum, l-Ewropa u l-Istati Uniti ma jistgħu qatt jkunu silenzjużi quddiem it-theddid għall-libertajiet fundamentali. Qatt.” Dan qalitu l-MEP Roberta Metsola waqt diskors ewlieni f’taħdita pubblika f’Furman Univeristy, f’South Carolina l-Istati Uniti.

Roberta Metsola kienet mistiedna biex tindirizza l-istudenti u l-pubbliku biex telabora dwar il-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew fuq is-saltna tad-dritt, l-immigrazzjoni u r-relazzjonijiet translantiċi. Hi qalet li “l-fatt li twieldet u trabbiet f’Malta fisser li tgħallmet li d-daqs tal-ideat u l-fond tal-integrità dejjem jirbħu fuq il-limitazzjonijiet tal-ġeografija. Id-determinazzjoni tagħkom m’għandiex tinżamm mill-fruntieri.”

Filwaqt li saħqet dwar l-importanza li tkun indirizzata l-politika populista, l-MEP Metsola qalet “L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti huma tnejn mill-akbar forzi ekonomiċi b’saħħithom fid-dinja, iżda s-saħħa tagħna toħroġ l-aktar għaliex m’aħniex biss dwar l-ekonomija, iżda naqsmu ħolma; wegħda komuni li l-valuri u l-istil ta’ ħajja tagħna ma jkunux mhedda. Kollha kemm aħna fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku irridu nsemmgħu leħinnha u niddefendu l-politika mibnija fuq il-valuri, inkella nkunu qed nirriskjaw li ngħerqu fil-populiżmu u l-estremiżmu, u nagħtu n-nar lil min irid jeqridilna l-istil ta’ ħajja tagħna.”

Roberta Metsola sellmet lill-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia, u sostniet li għandu jkun hemm protezzjoni akbar għal-libertà tal-media. Hi qalet “Il-fenomenu tal-fake news u informazzjoni żbaljata fuq l-internet qed isir aktar problematiku. Is-social media hi xi ħaġa tajba għad-dinja, iżda ma nistgħux inħallu l-għodod li nħolqu biex itejbu l-ħajja fid-dinja, jiġu abbużati – irridu nindirizzaw l-użu tal-metadata li jimmina s-social media, kif ukoll il-fabbriki professjonali tat-trolls li jinfeluwenza l-ħsibijiet tan-nies, kif ukoll il-bejgħ tal-propoganda bħala fatt.”

Dwar l-immigrazzjoni, l-MEP Metsola rreferiet għall-bżonn li nagħmlu differenza bejn nies fil-bżonn ta’ protezzjoni u dawk li qed ifittxu xogħol, filwaqt li sejħet għal soluzzjonijiet globali għal fenomenu globali.

Roberta Metsola tkun lura Malta fil-jiem li ġejjin.