It-tim nazzjonali Malti żamm mal-previżjoni ta’ qabel il-partita. Madankollu mhux biss rebaħ imma kiseb rebħa kbira ta’ 89-3 fuq l-Andorra. B’din ir-rebħa Malta spiċċat l-ewwel fil-Conference 1 South għat-tieni staġun konsekuttiv.
B’hekk il-plejers Maltin se jilagħbu play-off kontra r-rebbieħ tal-Conference 1 North li bħalissa huma l-Litwanja. Min jerbaħ din il-play-off, ikun promoss biex jibda jilgħab fir-Rugby Europe Trophy.
Bidu tajjeb għat-tim Malti li fl-ewwel attakk tiegħu fetaħ l-iskor bi try mill-kantuniera xellugija ta’ Benjamin Borg. James O’Brien falla l-conversion bit-tim Malti jibda l-logħba b’vantaġġ ta’ 5-0. Roger Fitè ngħata sin-bin mir-referee, bil-plejers Maltin jiskorjaw it-tieni try tal-logħba minn pożizzjoni ċentrali, b’Daniel Apsee jirnexxielu jpoġġi l-ballun wara l-linja. Din id-darba James O’Brien għadda l-ballun bejn il-lasti biex l-iskor sar 12-0.
Għal xi ħinijiet f’nofs l-ewwel taqsima, l-Andorra ħarġu mill-fażi difensiva tagħhom, b’Daniel Apsee jirċievi sin-bin madwar nofs siegħa logħob. Minkejja li kien b’raġel anqas, it-tim Malti skorja t-try li jmiss permezz ta’ Daniel Holliday, b’James O’Brien ma jkollux problemi jżid il-vantaġġ ta’ Malta għal 19-0.
L-Andorra rnexxielhom jiksbu l-ewwel tliet punti tagħhom ftit wara minn penalty ta’ Daniel Carrington iżda eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima try ta’ Clayton Cassar u conversion ta’ James O’Brien wasslu biex it-tim Malti daħal b’vantaġġ meritat ta’ 26-3.
It-tim Malti ħareġ determinat li jkompli jkabbar il-vantaġġ fit-tieni taqsima u wara ftit minuti James O’Brien għamel l-ewwel try tat-taqsima iżda falla l-conversion. Ftit wara James Kirk għamel try filwaqt li James O’Brien għamel il-conversion biex l-iskor sar 38-3.
Id-difiża avversarja kienet miftuħa u kien is-sostitut Brian Dalton li skorja l-ewwel try tiegħu, u żewġ minuti wara t-tim Malti għamel try ieħor b’conversion ta’ O’Brien bl-iskor isir 50-3. Dalton kompla jispikka b’żewġ tries oħra konsekuttivi, bl-iskor isir 60-3 wara li O’Brien naqas li jagħmel żewġ conversions.
L-avversarji kienu mitlufa totalment, bit-tim Malti jieħu vantaġġi mill-ispazji kbar tal-Andorra. Luke Watts, Matthew Spiteri u Christopher Dudman kollha żiedu ħames punti wara li għamlu try kull wieħed, bit-tim Malti jagħmel l-iskor 75-3. Rob Holloway u James O’Brien issiġillaw ir-rebħa lejn it-tmiem b’żewġ conversions tal-istess James O’Brien għal skor finali ta’ 89-3.
//= $special ?>