Lokali

Tliet persuni, inkluż uffiċjal fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, suspettati b’serq mill-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia

Żewġ persuni, inkluż uffiċjal fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, ġew interrogati mill-Pulizija u qed jiġu akkużati b’serq minn fuq il-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia. It-tielet suspettat għadu mhux identifikat.

Żvela dan il-ġurnal Times of Malta li jgħid li persuna oħra wkoll għandu rabtiet mal-Partit Laburista u hu iben kuntrattur. L-investigazzjonijiet bdew wara li fjuri u xemgħat li tpoġġew quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir bħala tifkira tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nsterqu matul il-lejl.

Kien il-Membru Parliamentari Karol Aquilina li rraporta l-att ta’ vandaliżmu għand il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar filwaqt li talab li ssir investigazzjoni fuq il-każ. Jirriżulta li uffiċjal tal-Pulizija li kien fuq ronda qabad fil-fatt lil dawn il-persuni iżda laħqu ħarbu.

Iżda minkejja li dak li għamlu huwa att illegali, tant li jsitgħu jeħlu bejn seba’ xhur u sentejn ħabs, ic-Chairman tal-MCSD, Jeffery Pullicino Orlando ddefendihom għax qal li m’għandhomx jiġu kkastigati għaliex naddfu l-monument.

Sadattant matul il-lejl tpoġġew kartelluni quddiem il-binja ta’ Pilatus Bank iżda dawn tneħħew wara ftit minuti minn pulizija li kienu fil-post. Din l-azzjoni bil-hashtag reżistenza saret wara li nhar it-tnejn li għadda l-awtoritajiet Amerikani arrestaw lis-sid tal-bank, Ali Sadr Hasheminejad.

Tpoġġew ukoll kartelluni oħra barra l-ambaxxata Griega, li tinsab ftit bogħod mill-istess Bank Pilatus, fejn isiru talbiet lill-Prim Ministru Grieg biex il-whistleblower Maria Efimova tingħata protezzjoni hekk kif hi għadha taħt arrest fil-Greċja minħabba mandat t’arrest maħruġ minn Malta.

Fuq l-internet ukoll għaddejja din it-talba għall-protezzjoni, fost l-oħrajn b’petizzjoni lill-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras biex Efimova tingħata l-ażil mill-Greċja fost tħassib li estradizzjoni lejn Malta tpoġġilha ħajjitha fil-periklu.

Dwar il-każ tal-Bank Pilatus sadattant mistennija f’Malta numru ta’ aġenti tal-FBI biex ikomplu l-investigazzjoni dwar Ali Sadr, li fost l-oħrajn hu akkużat b’ħasil ta’ flus u ksur tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti u għalhekk jirriskja piena sa 125 sena ħabs.

Dwar dan il-każ, il-Ġimgħa l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ħasel idejh, għaliex qal li l-investigazzjoni qed issir mill-Amerikani. Dan l-għada li anke l-Prim Ministru Joseph Muscat farfar ir-responsabbiltà tal-għoti tal-liċenzja lil Pilatus Bank, xhur wara li ħa l-poter.