Lokali

Aaron Farrugia jkompli jitlef il-punti ma’ Kastilja

Storja ppubblikata fil-gazzetta il-mument

Il-klikka ta’ Kastilja qed tkompli timbotta mhux biss biex il-Prim Ministru jagħmel ir-reshuffle mistennija, iżda biex id-Deputat Laburista Alex Muscat isib postu fil-Kabinett flok is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia li dwaru qed ikomplu jitwasslu messaġġi li mhux għall-altezza, u mhux kapaċi biex imexxi l-Portafoll li għandu.

Ir-riħ fil-poppa għall-klikka ta’ Kastilja kompla jonfoħ b’qawwa f’nofs din il-ġimgħa, meta l-istess Aaron Farrugia għaffiġha bil-kbir fil-Qorti, meta tilef libelli importanti miftuħa mill-Avukati Peter Caruana Galizia u Andrew Borg Cardona.

Fil-fatt, l-Avukati Peter Caruana Galizia u Andrew Borg Cardona f’nofs din il-ġimgħa, rebħu ħames libelli kontra l-gazzetta tal-Partit Laburista ‘KullĦadd’ u anke kontra s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali, Aaron Farrugia.

Huma kienu fetħu ħames libelli wara artiklu ppubblikat f’Awwissu 2014 li fih kien allegat li t-tnejn huma azzjonisti f’kumpanija li rebħu aktar minn €2.5 miljun f’kuntratti tal-Gvern u li rċevew madwar €80,000.

Oriġinarjament il-libelli kienu nfetħu kontra Toni Abela, dak iż-żmien editur tal-gazzetta, u kontra Aaron Farrugia.
Minflok Toni Abela, li issa hu mħallef, Aleander Balzan li kien laħaq editur, kien refa’ r-responsabbilità tal-każ.
Kemm Aaron Farrugia u Aleander Balzan kienu ordnati mill-Qorti biex iħallsu €3,000 kull wieħed.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale, fis-sentenza tiegħu ma laqax id-difiża ta’ Aaron Farrugia li pprova jaħsel idejh u jargumenta li kulma għamel fil-każ kien li rriproduċa l-artiklu pubblikat.

Il-Maġistrat ikkritika wkoll dak li qal Aaron Farrugia meta pprova jiġġustifika l-posts tiegħu fuq il-midja soċjali billi qal li hu fil-passat kien attakkat fil-midja soċjali.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat enfasizza li kull politiku, aktar u aktar kull membru parlamentari, għandu jkun eżempju għall-pubbliku u għandu juża l-midja soċjali biex ixerred informazzjoni korretta u mhux biex iżid l-mibegħda u l-polarizzazzjoni.

Kienet proprju din il-gazzetta il-mument li ftit ġimgħat ilu kienet żvelat kif is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia hu urtat għall-mod inġust li bih qed jimxu miegħu irjus kbar fl-istess Berġa ta’ Kastija fejn kulma jmur qiegħed ikompli jħoss li filwaqt li hu u ħidmietu qed ikunu mċekkna, jekk mhux apposta injorati, qiegħed ikompli jingħata imbottatura d-Deputat Laburista Alex Muscat.

Dawk viċin is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia kulma jmur qed ikomplu jinsistu li min imexxi Kastilja, biex jaġevola u jpaxxi l-interessi tad-Deputat Laburista Alex Muscat, qiegħed iġib fix-xejn ħidmet Aaron Farrugia u jipprova jwassal il-messaġġ li fil-verità, mhux jagħmel xogħol effettiv mhux għax ma jridx iżda għaliex fil-verità, hu limitat fil-kapaċitajiet tiegħu.